Lokali

Faċċata ta’ dar tinħaraq f’nofs ta’ lejl

Jissejħu l-pumpieri fi Triq it-Tempesta

Żewġ persuni kellhom jaħarbu minn darhom u jaqbżu għal fuq il-bjut tal-ġirien wara li nar ħakem ir-residenza tagħhom fil-Qrendi.

Net News jinsab infurmat li kien għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin ħamsa li beda nar mill-bieb tar-residenza li tinsab fi Triq it-Tempesta, il-bypass tal-Qrendi.

In-nar infirex malajr għal mal-faċċata, bil-konsegwenza li ż-żewġ persuni li kienu fuq ġewwa, raġel ta’ 39 sena u mara ta’ 52 sena, kellhom jaħarbu minn fuq il-bejt.

Fil-post marru membri tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija, kif ukoll ambulanza bħala prekawzjoni, iżda fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.

Net News jinsab infurmat li l-Pulizija qed tinvestiga bir-reqqa x’wassal għal dan il-ħruq, fejn qed jiġu wkoll analizzati cameras tas-sigurta’ li hemm fil-viċinanzi.