Knisja Lokali

FILMATI U RITRATTI: Ix-xita ssaħħaħ l-għaqda Vendriża fil-festi ċentinarji tal-Parroċċa

Ix-xita kompliet issaħħaħ l-għaqda fil-komunità Vendriża. Dan hekk kif waqt il-purċissjoni biex tfakkar is-sena ċentinarja tal-parroċċa ta’ Santa Venera, l-istatwa titulari tal-lokalità ddaħħlet tistkenn ġo daħla ta’ garaxx biex ma ssirilhiex ħsara.

Iżda kif jgħidu wara l-maltemp jiġi l-bnazzi… u l-purċissjoni kompliet b’wiċċ il-ġid, u Santa Venera mill-ġdid daħlet fil-Knisja Parrokjali.

Hemmhekk in-Nazzjon ħadet il-kummenti ta’ Mario Coleiro mill-Kumitat Festi Esterni fejn qalilna li akkost ix-xita, l-funzjoni baqgħet għaddejja b’ħidma kollettiva. Huwa qalilna wkoll x’se jiġri fit-tmiem is-sena ċentinarja, hekk kif l-Erbgħa li ġej tiġi ċċelebrata l-aħħar funzjoni biex tagħlaq is-sena ċentinarja li bdiet fl-14 ta’ Novermbru tas-sena l-oħra.

“Fix-xemx u x-xita, Viva Santa Venera dejjem” – Dun Maurice Abela

Tkellimna wkoll ma’ membri tas-Soċjetà Filarmonika Santa Venera fejn qalulna dwar it-tħejjijiet kemm għas-sena ċenitinarja u kemm għas-snin li ġejjin. Il-President tal-Banda, John Attard, qalilna li issa din is-soċjetà qed tħares ‘il quddiem li żżanżan il-binja l-ġdida tal-istess Għaqda Mużikali. Min-naħa tiegħu is-Segretarju tal-istess banda, Alfred Mizzi, qalilna aktar dwar ix-xogħol li sar bit-tħejjija għal għal din il-purċissjoni. Huwa qal li hija xi ħaġa rari li tara l-banda tal-patruna ddoqq f’purċissjoni fejn ikun hemm l-istatwa titulari, għax issoltu meta toħroġ fil-festa, ikun hemm banda oħra mistiedna li tagħmel dan.

Ma naqasx wkoll il-kumment minn Stanley Azzopardi mill-Għaqda tan-Nar 26 ta’ Lulju fejn b’sodisfazzjon qalilna dwar ħidmiethom. Huwa qalilna li għalkemm għamlet ix-xita, xorta waħda rnexxielhom jkunu preżenti bil-murtali anki l-Ħadd filgħodu tul il-purċissjoni.

Santa Venera, 100 sena parroċċa, u fi kliem il-Kappillan Dun Maurice Abela, b’radd il-ħajr għal dan il-jum huwa fiz-zuntier tal-knisja tenna bosta drabi din il-frazi “Fix-xemx u x-xita, Viva Santa Venera dejjem”.

Filmati: Bernie Dimech, Ritratt: Darren Carabott