Lokali

Joseph Muscat jippersisti li jiddefendi lil sħabu flok ir-reputazzjoni ta’ Malta

Għaddew iktar minn 48 siegħa minn meta l-midja rrappurtat min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black u l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma ħax id-deċiżjoni li hemm bżonn jieħu biex jiddefendi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Mindu ħarġet din l-istorja, Joseph Muscat ħarab mill-ġurnalisti meta s-Sibt filgħaxija kien qed jattendi għall-ftuħ tal-mużew Muża, fil-Belt Valletta.

Dan apparti li mistoqsijiet minn The Times of Malta lil Kastilja ġew injorati, b’kelliem għall-Prim Ministru ma jgħidx jekk Muscat kellimx lil Keith Schembri jew le wara l-aħħar allegazzjonijiet u ddikjara I Muscat ma kellux iktar xi jżid.

Sadattant il-Ħadd, Joseph Muscat reġa’ ħela opportunità oħra biex jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jwarrab lil dawk qrib tiegħu.

Dan hekk kif waqt attività politika fl-Imsida, tenna mill-ġdid li mhux se jieħu l-ebda azzjoni fl-immedjat imma se jistenna li jitlestew l-inkjesti maġisterjali li għaddejjin.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ddikjara li issa huwa ċar li Joseph Muscat ma jridx ineħħi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi għax ma jistax.