Internazzjonali

Jum l-Armistizju: Il-Mexxejja tad-Dinja jiltaqgħu f’Pariġi biex ifakkru t-tmiem tal-Ewwel Gwerra

Il-Mexxejja tad-dinja attendew għal ċerimonja f’Pariġi li kommemorat il-100 sena tal-Armistizju li kien ikkonkluda l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin, kienu fost dawk preżenti għas-servizz taħt l-Arc de Triomphe waqt li dwew id-daqq tal-qniepen tal-knejjes madwar il-kapitali Franċiżi.

Waqt li ċ-ċerimonja ewlenija għall-Ewropej kienet organizzata f’Pariġi saru wkoll ħafna avvenimenti oħrajn, madwar id-dinja, biex ifakkru ċ-ċentenarju tal-‘Gwerra l-Kbira’.

L-Ewwel Gwerra Dinjija, li damet mill-1914 sal-1918 kienet swiet il-ħajja ta’ 9.7 miljun suldat u għaxar miljun ċivili.

Intant, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, waqt diskors tal-okkażjoni ħeġġeġ lill-mexxejja kollha preżenti biex ‘jingħaqdu fi ġlieda għall-paċi’. Hu, fl-istess ħin, enfasizza li l-patrijottiżmu għandu jitqies bħala ‘l-oppost eżatt tan-nazzjonaliżmu’.

Macron mexxa l-avveniment prinċipali tal-programm f’Pariġi li kien jinvolvi kommemorazzjoni solenni quddiem il-Qabar tas-Suldat Mhux Magħruf (mafkar għas-suldati Franċiżi maqtula) taħt l-Arc de Triomphe.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, il-President Putin u l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, flimkien ma’ mexxejja oħra, anki llum kienu qed jattendu għal konferenza dwar il-paċi.

Fl-Awstralja saret ċerimonja fl-inħawi tan-National War Memorial, f’Canberra, waqt li ajruplan li tar minfuq il-belt ta’ Adelaide waddab eluf ta’ peprin ħomor magħmulin mill-karta.

Waqt id-diskors tiegħu għall-okkażjoni f’Canberra, il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, tkellem dwar l-importanza tal-kommemorazzjoni fejn sostna li ‘in-nies jeħtieġu jitgħallmu mill-passat bil-għan li jaffrontaw il-bidliet li jġibu ż-żmenijiet għall-ġid ta’ uliedhom u l-ġenerazzjonijiet futuri’.

Fi New Zealand, is-suldati fil-belt kapitali ta’ Wellington sparaw salut waqt li fl-Indja saru servizzi ta’ tifkira għall-74,000 suldat li mietu fost il-battalji ‘man-naħa l-oħra tad-dinja’.

Il-qawwiet Awstraljani u ta’ New Zealand kienu sofrew telf kbir ta’ ħajja waqt il-kampanja militari ta’ Gallipoli li kienet waħda mill-aktar battalji terribbli tal-Ewwel Gwerra.

Fir-Renju Unit kien organizzat ukoll programm ta’ avvenimenti speċjali biex ifakkru t-tmiem tal-konflitt tal-1914-18.