Lokali

Malta tfakkar il-100 sena minn Jum l-Armistizju

Ritratt: DOI

Il-11 ta’ Novembru hija l-ġurnata ta’ tifkira, ġurnata li fiha niftakru fil-vittmi tal-Ewwel Gwerra Dinjija, magħrufa bħala l-Gwerra l-kbira.  Din is-sena, din it-tifkira għandha sinifikat akbar peress li qed ikun imfakkar il-mitt sena mit-tmiem ta’ din il-gwerra.  Il-ġurnata magħrufa bħala l-Armistizju tfakkar kif kien nhar il-ħdax ta’ Novembru, l-ħdax-il xahar tas-sena  fil-ħdax ta’ filgħodu meta kien iffirmat il-ftehim tal-Armistizju bejn il-Ġermanja u l-alleati: l-Imperu Ingliż, Franza u r-Russja.

Fl-Ewwel Gwerra Malta ma kinitx involuta b’mod dirett, pero’ xorta waħda tat is-sehem tagħha peress li serviet bħala sptar militari. Kienu ħafna s-suldati feruti li nġiebu Malta biex jingħataw kura.  Ta’ min ifakkar li f’din l-ewwel gwerra kienu tilfu ħajjithom mad-disa’ miljun suldat u mas-seba’ miljuni persuni ċivili.  Fl-1918, mat-tmiem ta’ din il-gwerra, ħafna mexxejja sostnew li din kellha tkun il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha, pero’ nafu li l-istorja uriet mod ieħor.

F’Malta ta’ kull sena ukoll jiġi mfakkar Jum it-Tifkira.  Dalgħodu saret quddiesa konċelebrata minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann u li għaliha attendew l-għola awtoritajiet tal-pajjiż.  Wara l-quddiesa imbagħad il-President ta’ Malta spezzjonat il-gwardja tal-unur. Iċ-ċerimonja ntemmet bi tqegħid tal-fjuri fuq il-monument tal-gwerra fil-Floriana fejn inżammet ukoll minuta silenzju b’rispett lejn dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-gwerra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia attenda ċ-ċerimonji li saru matul il-jum tal-Ħadd.