Lokali

Pressjoni interna qawwija fuq il-Prim Ministru biex iwarrab lil Mizzi u Schembri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jaffaċċja pressjoni interna qawwija biex il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff Keith Schembri jitwarrbu mmedjatament.

Dan wara li komplew jiżdiedu d-dubji dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija 17 Black, hekk kif fl-aħħar jiem ħarġu allegazzjonijiet ġodda li juru rabta mal-proġett tal-power station.

Il-ġurnal The Malta Independent on Sunday jikkwota uffiċjal għoli fil-Gvern Laburista li jiddikjara li hemm tħassib li iktar Mizzi u Schembri jdumu qrib Joseph Muscat, iktar se ssir ħsara.

Il-pressjoni qawwija qed issir mhux biss minn Ministri ta’ esperjenza, imma wkoll deputati Laburisti kif ukoll ħbieb ta’ Muscat, li ilhom għall-aħħar snin jassistuh fil-politika u li issa qed jissuġġerulu li jew iġiegħel lil Mizzi u Schembri biex jirriżenjaw inkella jwarrabhom hu stess.

U dikjarazzjoni ċara u diretta fl-editorjal ta’ Malta Today, li jinnota kif l-iskandlu 17 Black issa iktar minn qatt qabel jfisser li Konrad Mizzi u Keith Schembri jridu jħallu x-xena politika.

Dan filwaqt li The Sunday Times of Malta jinnota s-silenzju totali mill-Prim Ministru dwar l-aħħar dettalji ppubblikati, mhux biss wara li Joseph Muscat ħarab mill-ġurnalisti s-Sibt filgħaxija, imma wkoll għall-fatt li mistoqsijiet mibgħuta lill-uffiċċju tiegħu f’Kastilja ġew injorati.