Internazzjonali

Tfittxija għall-vittmi wara valangi qattiela fil-Brażil

Ħaddiema għall-emerġenzi megħjuna minn volontiera ċivili qed ifittxu għall-persuni li ntradmu taħt valanga ta’ tajn li ħalliet talanqas għaxar mejtin, inkluż tfajjel. L-inċident seħħ fl-Istat ta’ Rio de Janeiro wara jumejn ta’ xita li ma qatgħet xejn.

L-awtoritajiet qalu li blata enormi, fost oħrajn, niżlet mal-ġenb ta’ għolja u qerdet ‘numru ta’ residenzi viċin ta’ xulxin’ fil-belt ta’ Niteroi.

Intant, il-membri tal-iskwadri u l-voluntiera ffurmaw speċi ta’ ‘katina umana’ biex jiġbru t-tajn fil-bramel u jiddisponu minnu waqt l-eqqel tat-tfittxija. Dawn in-nies kienu qed jippruvaw jaħdmu fi skiet perfett bil-għan li jisimgħu ‘l-iċken ħsejjes mingħand il-persuni taħt it-tajn li setgħu baqgħu ħajjin.

S’issa, kienu salvati talanqas 11-il persuna, fosthom żewġt itfal u bir-rapporti jgħidu li numru kbir minnhom kienu indikati mill-klieb li huma mħarrġa proprju għal dawn is-sitwazzjonijiet.

Il-valangi tal-art u l-għargħar huma komuni fil-Brażil, bl-aktar inċident qattiel iseħħ fl-2011 meta kienet ċediet għolja ( wara ħalbiet kbar tax-xita) għal fuq diversi komunitajiet fl-Istat ta’ Rio de Janeiro, u fejn kienet ħalliet madwar 1,000 mejtin.