Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Casa jgħid lill-Kummissarju tal-Ġustizzja li l-iskandlu ta’ 17 Black għandu implikazzjonijiet fuq l-investigazzjoni dwar l-assassinju

Il-Kummissarju Ewropew Vera Jourova

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Meta nqatlet, Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq l-akbar leak ta’ informazzjoni li qatt kienet irċeviet. Hi kienet qed iddur eluf ta’ dokumenti dwar l-Electrogas li waslu għandha mingħand sors. Il-fatt li d-direttur tal-Electrogas issa sar magħruf li hu l-UBO ta’ 17 Black jista jwassal għal implikazzjonijiet serji fuq l-investigazzjoniji tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”

David Casa emfażizza dan f’ittra li bagħat illum lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová, li fiha rrefera għall-aħħar rivelazzjonijiet dwar 17 Black u r-rabta finanzjarja bejn wieħed mix-shareholders tal-Power Station tal-Electrogas u l-kumpaniji sigrieti taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. Fl-ittra tiegħu, l-MEP Casa emfażizza l-importanza ta’ inkjesta pubblika indipendenti dwar ir-rwol tal-Istat Malti fl-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Hu qal ukoll: “Ir-rivelazzjonijiet komplew jikxfu l-istat li tinsab fih is-saltna tad-dritt f’Malta. Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri se jibqgħu fil-karigi fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti sakemm titlesta l-inkjesta maġisterjali. L-istess inkjesta maġisterjali li saret fuq talba tal-Oppożizzjoni għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija maħtur politikament ma ħa ebda passi. L-investigazzjoni għadha ma bdietx għax f’kull pass, qed issib ir-reżistenza tal-istess Prim Ministru li qed jgħid li qed jistenna l-konklużjonijiet tagħha qabel jittieħdu azzjonijiet.”

L-MEP David Casa kompla jgħid: “Dak li ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa ikompli jikkonferma l-provi li l-kumpaniji sigrieti ta’ Mizzi u Schembri nfetħu biex jirċievu flus ġejjin mill-korruzzjoni minn proġetti – għad-detriment tal-poplu Malti u Għawdxi li jħallas it-taxxa. Dan mhu xejn għajr serq.”