Christian Horner iddefenda lil Max Verstappen wara l-argument li kellu ma’ Esteban Ocon, fejn insista li l-azzjonijiet tas-sewwieq tal-Force India kienu “totalment irresponsabbli” u ċaħħdu lil Red Bull minn rebħa komda.
Il-Grand Prix missielta tal-Brażil kellha xena partikolari hekk kif Ocon prova jaqbeż lil Max Verstappen li dak il-ħin kien fuq quddiem. Ocon kien inqabeż minn Verstappen b’dawra u għalhekk ma kienx se jħalli effett fuq l-andament tat-tiġrija. Is-sewwieq ta’ Force India ħabat mal-Olandiż, b’konsegwenza li Verstappen dar barra ċ-ċirkwit fit-tieni kantuniera.
Il-kontroversja kibret wara t-tiġrija hekk kif Verstappen kien frustrat bil-kbir u mar jikkonfronta kif ukoll imbotta lil Ocon. L-istewards tat-tiġrija kkastigaw lil Verstappen tal-azzjonijiet tiegħu u ordnaw lill-Olandiż biex jiskonta jumejn ta’ servizz pubbliku wara dak li ġralu ma’ Ocon.
Iżda l-Prinċipal ta’ Red Bull iddefenda lis-sewwieq żagħżugħ. F’Interlagos, Horner qal li wieħed irid jifhem li l-emozzjonijiet ikunu kbar. Hemm ħafna storja bejn iż-żewġ sewwieqa li tmur lura għall-karting. Qatt ma tkun taf x’qalu lil xulxin, iżda tridu tifhmu li backmarker ħa rebħa ta’ Grand Prix mingħandek,” qal Horner.
Verstappen kien irrabjat ma’ Ocon wara d-dwell bejniethom u fuq ir-radju tat-tim għajru idjota. Dan seħħ qabel mar jikkonfrontah fil-post fejn is-sewwieqa jintiżnu wara t-tiġrija.
//= $special ?>