George Hyzler illum ħa l-ġurament tal-ħatra bħala lewwel Kummissarju għall-Istrandards fil-Ħajja Pubblika.
Hu ħa l-ġurament f’din il-kariga wara li fil-15 ta’ Settembru sar vot unanimu favur in-nomina tiegħu; nomina li kienet saret mill-Oppożizzjoni.
L-avukat Hyzler esprima ruhu favur li karigi ohra f’pajjizna, inkluz dawk tal-Kummissarju tal-Pulizija, ukoll jinhatru bi qbil bejn iz-zewg nahat tal-Kamra.
Hyzler laħaq Kummissarju wara ħafna pressjoni mill-Oppożizzjoni fuq il-Gvern hekk kif dan baqa’ jkaxkar saqajh biex ifittex jaħtar lill xi ħadd f’din il-kariga. Tant hu hekk li l-att dwar din il-kariga dam tlett snin bejn Marzu 2014 u Mejju tal 2017 biex għadda mill-Parlament. Il-ħatra ta’ George Hyzler imbagħad ġiet 18-il xaħar wara li ġiet approvata l-liġi.
Permezz ta’ din il-kariga l-ġdida, politiċi fosthom ministri, segretarji parlamentari u persuni f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja għandhom ikunu taħt skrutinju iktar strett f’dak li għandha x’taqsam l-etika f’kull aspett tal-qadi ta’ dmirijiethom.
George Hyzler spjega kif f’ din il-kariga hu mhu se jkun qed jieħu istruzzjonijiet minngħand ħadd.
Mistoqsi x’kien jagħmel kieku waqt li kien fil-kariga ħrġu allegazzjonijiet bħal ta’ 17 Blac, h qal li xogħolu kien ikun li jinvestiga.
F’diskors qasir li għamel wara l-ġurament, il-kummissarju l-ġdid qal li hu ġej minn kamp fejn ir-reputazzjoni internazzjionali hija importanti ħafna u li jittama li l-parlament ikun jista’ jattira l-aqwa elementi kif jixraqlu l-pajjiż.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li kien preżent għal din il-ħatra, qal li din il-kariga li damet tant biex ingħatat, issa se tkun qed tassigura li l-eżerċizzju tat-tħaddim tad-demokrazija jkun komplet. Hekk kif dan il-Kummissarju se jkun qed iservi ta’ għassies fuq dawk li qegħdin jirrappreżentaw lill-poplu.
//= $special ?>