Lokali

Id-diskrepanza fil-pagi toħloq inġustizzja

Id-diskrepanza fil-paga kkawżata mis-sessi mhix tħalli lil pajjiżna jgawdi minn ekonomija inklussiva. Din id-diskrepanza toħloq biss ostaklu għall-ġustizzja soċjali.

Hekk qalet il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca meta nediet filmat informattiv dwar kif din id-diskrepanza toħloq l-inġustizzja.

Spjegat li għalkemm fis-snin l-imgħoddija pajjiżna gawda minn żviluppi pożittivi f’sehem in-nisa fl-ekonomija, ma nistgħu nserħu rasna biss fuq dan il-fatt.

B’hekk, bil-kampanja tagħha, il-Fondazzjoni tal-President għall-Benessere tas-Soċjetà qed tara li tiġbed aktar attenzjoni dwar l-impatt ta’ din id-diskrepanza.

Il-President ta’ Malta awgurat li wara x-xandira ta’ dan il-filmat, wieħed iħossu aktar konxju minn dak li tfisser din id-diskrepanza.

Min-naħa tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għall-Benessere tas-Soċjetà Ruth Farrugia qalet li d-diskrepanza fil-paga kkawżata mis-sessi tista’ tkun qed teffetwa wkoll lil dawk qrib tagħna.

Hu għalhekk li wieħed għandu jifhem minfejn ġejja d-diskrepanza u jipprova jegħlibha. Kien b’dan il-ħsieb li l-produtturi tal-filmat nedew din il-kampanja b’risq dawk milquta.