Lokali Qorti

Il-UĦM aġixxiet b’mod responsabbli u diliġenti

Joseph Castillo, Noel Ciantar, Martin Francalanza, Francis Laus, Dr. Rita Micallef, John Mifsud, Margaret Muscat, John Salamone Reynaud, Cynthia Scerri u Andrew Scicluna – ilkoll professjonisti fil-qasam tas-Saħħa – fl-2013 kien fetħu kawża għal danni pretiżi ta’ €500,000 kontra l-UĦM Voice of the Workers, fejn dehrilhom li:-
• Huma jitilgħu Skala u ma jħallu lil ħadd jilħaqhom u dan a skapitu ta’ 44 ħaddiem ieħor li kienu eliġibbli għal din il-promozzjoni
• Huma ppretendew li għalkemm il-Gvern kien nieda riforma sħiħa filprofessjonijiet tagħhom – li kien ifisser 54 promozzjoni fl-ogħla skala possibbli – għaxra biss kellhom ikunu eliġibbli
• Wara li ġie ffirmat il-ftehim, dawn l-istess għaxar ħaddiema baqgħu jagħmlu pressjoni politika sabiex tgħaddi tagħhom tant li lejlet l-elezzjoni tal-2013, il-UĦM irċeviet addendum li kien jiddiskrimina favurihom.

Il-UĦM Voice of the Workers saħqet li l-ftehim settorali, kif ġie ffirmat, kien sottopost
għal vot demokratiku tal-membri li kienu jaqgħu taħt dan il-ftehim.

Il-union enfasizzat li l-vot hu sovran fuq kull interessi oħrajn u dan anki ta’ dawn l-għaxar impjegati. Il-UĦM kienet dejjem lesta li tiddiskuti u dan dejjem sabiex ma jnaqqas xejn mill-interessi
tal-bqija tal-ħaddiema.

Il-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, iddeċidiet fis-sentenza tagħha nhar it-Tlieta 30 ta’ Ottubru, li:-
• Mingħajr l-iċken esitazzjoni, il-UĦM Voice of the Workers aġixxiet b’mod responsabbli u diliġenti
• Wettqet l-obbligi fiduċjarji tagħha meta mxiet skont l-istatut tagħha;
• Ma ppreferiet lil ebda membru fuq ieħor u lanqas ma ppreġudikat membru kontra ieħor
• Il-Qorti wkoll sabet li ma kien bl-ebda mod ippruvat għas-sodisfazzjon tagħha li l-UĦM Voice of the Workers aġixxiet in male fede
• Kien ippruvat li wara li kien iffirmat il-ftehim, il-union kienet disponibbli għal bdil fil-ftehim dment li l-membri l-oħrajn tagħha ma jkunux preġudikati kif ukoll li tibqa’ leali sal-aħħar mal-vot li ttieħed. L-addendum li kien sar mal-ftehim kien miċħud għax kien imur kontra dan kollu.

Matul il-proċess kollu tal-każ, il-UĦM Voice of the Workers kienet assistita mill-avukat
Ian Spiteri Bailey.