Li sempliciment twessa’ t-toroq u tiehu azzjonijiet oħrajn msejħa aggressivi mhux biżżejjed biex issolvi l-problema tat-traffiku. Hemm bżonn soluzzjonijiet aktar fit-tul.
Hekk qal il-Kummissarju għall-Ambjent Alan Saliba f’kumment lill-ġurnal Times of Malta b’reazzjoni għar-rapport imħejji mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ppreżentat din il-ġimgħa fil-Parlament.
Hu qabbel is-soluzzjonijiet li qed jagħżel il-Gvern ma’ persuna li għandu problemi fl-arterji ta’ ġismu u jitwessgħulu l-vini jew issirlu ‘bypass’, iżda jibqa’ jiekol mhux tajjeb għal saħħtu. Bl-istess mod, tkun qed tikkontrolla l-problema fil-preżent biss mingħajr soluzzjoni għall-futur.
Lura għat-traffiku, il-Kummissarju għall-Ambjent qal li t-twessiegħ tat-toroq jista’ jkun li jnaqqas ċertu dewmien f’ċerti arterji ewlenin u allura jonqos it-tniġġis fl-arja. Iżda fi gżira żgħira bħal Malta, l-esperjenzi tal-passat urewna li ż-żieda kontinwa fil-karozzi ma tkunx biżżejjed li jitwessgħu t-toroq.
Alan Saliba kompla li l-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) għandu jkun wieħed li jorbot lill-entitajiet kollha tal-Gvern, filwaqt li jservi ta’ gwida fl-ippjanar ta’ proġetti infrastrutturali kbar.
Hu rrefera wkoll għaż-żieda sostanzjali fl-iskart u t-tniġġis ikkawżat mill-kostruzzjoni, partikolarment wara t-tibdil fil-politika u deċiżjonijiet meħuda. Min-naħa l-oħra, jemmen li l-kwistjoni ta’ Housing li jiflaħ għalih kulħadd tista’ tkun indirizzata biss b’inċentivi fiskali u ekonomiċi.
Barra minhekk, żviluppi f’żoni barra mill-iżvilupp lanqas biss għandu jiġi kkunsidrat, tenna l-Kummissarju għall-Ambjent, li kompla li wieħed lanqas ma għandu jibbaża s-soluzzjonijiet għall-immaniġġjar tal-iskart fuq ix-xewqa li n-nies inaqqsu mill-konsum.
Alan Saliba temm il-kumment tiegħu billi rrikonoxxa li wieħed għandu jaċċetta r-realtajiet li għandna quddiemna, filwaqt li jibdew jiġu kkunsidrati miżuri estremi bħal aktar inċinerazzjoni.
//= $special ?>