Kien il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li ħareġ l-ordni biex jitneħħew l-affarijiet imqegħda b’mod spontanju min-nies quddiem il-bini tal-Qorti biex titfakkar il-Ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, inkarigat fost l-oħrajn mid-Dipartiment tat-Tindif Pubbliku, hekk kif kompliet tinstema’ l-Kawża Kostituzzjonali li Manuel Delia fetaħ kontra l-Gvern dwar allegat ksur tad-drittijiet tal-ħelsien tal-kelma.
Deo Debattista qal li l-ordni kienet inħarġet kmieni f’Settembru wara li ttieħdet id-deċiżjoni li jsir xogħol ta’ rinnovar fis-sit li kien qed jintuża’ għall-mafkar spontanju. Fil-Qorti ngħad ukoll li l-mafkar tnaddaf madwar 20 darba, bis-Segretarju Parlamentari jtenni jnaddaf ismu billi qal li hu qatt ma ta ordni biex dan isir.
Min-naħa l-oħra, spjega li hu kien ta l-parir li jekk għandu jsir it-tindif tal-mafkar, ix-xogħol għandu jsir filgħaxija meta l-ħaddiema jkunu qed inaddfu t-toroq tal-Belt.
Li d-deċiżjoni ħarġet mill-Ministru Owen Bonnici kien ikkonfermat ukoll mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Tindif Ramon Deguara, li fil-Qorti qal li kmieni f’Settembru kien irċieva telefonata mingħand il-Ministru tal-Ġustizzja bl-istruzzjonijiet. Dan minkejja li fix-xhur ta’ qabel, id-Dipartiment kellu struzzjonijiet ċari li l-mafkar m’għandux jintmess.
Ramon Deguara kompla li appena ħarġet din id-deċiżjoni, il-ħaddiema tad-Dipartiment bdew inaddfu l-fjuri, ix-xemgħat u r-ritratti regolarment bejn l-10pm u t-3pm. Wara l-ewwel każi ta’ tindif, l-affarijiet ittieħdu fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt iżda, wara parir tal-Avukat tad-Dipartiment, appena nfetħet il-kawża, dawn bdew jiġu depożitati fil-Qorti.
U l-Ispettur Priscilla Caruana Lee xehdet kopji ta’ tmien rapporti li ddaħħlu l-Għassa dwar it-tindif tal-mafkar spontanju. Bħala rappreżentanta tal-Kummissarju tal-Pulizija, hi spjegat li dawn saru bejn Marzu u Ottubru, jiġifieri bdew qabel sewa ma ħarġet l-ordni mill-Ministru tal-Ġustizzja.
L-Ispettur spjegat li għall-ewwel, ma kienux jafu min kien qed ineħħi l-oġġetti sakemm aktar tard saru jafu li kien id-Dipartiment tat-Tindif.
//= $special ?>