Futbol Sport

Santiago Solari jissodisfa lit-tmexxija ta’ Real Madrid … se jingħata kuntratt sa tmiem l-istaġun

(Ritratt: EPA)

Il-Federazzjoni tal-Futbol Spanjola kkonfermat li Santiago Solari se jsir il-kowċ permanenti ta’ Real Madrid wara li laħaq ftehim mal-klabb Madrilen b’kuntratt sa tmiem l-istaġun.

Ir-regoli tal-kampjonat Spanjol jgħidu li kowċ temporanju jista’ jdum biss għal 15-il ġurnata, u b’dan it-terminu jasal fi tmiemu għada, Real Madrid kienu sfurzati li jieħdu deċiżjoni. Fit-30 ta’ Ottubru, l-eks plejer ta’ Real Madrid ħa post Julen Lopetegui minħabba li tkeċċa wara biss 14-il logħba fit-tmexxija.

Hu mifhum li t-tmexxija ta’ Real Madrid kienu impressjonati b’dak li għamel Solari f’dawn il-ġimagħtejn. L-Arġentin ta’ 42 sena rebaħ l-erba’ logħbiet fit-tmexxija tat-tim, b-15-il gowl skorjat filwaqt li sofrew erba’ gowls.

Ir-rebħiet ta’ Solari waslu kontra Melilla fit-Tazza tar-Re, Viktoria Plzen fiċ-Champions League kif ukoll Real Valladolid u Celta Vigo f’La Liga. Real Madrid kienu fid-disa’ post meta Solari ħa l-kontroll u issa jinsabu fis-sitt post, erba’ punti taħt Barcelona.