Edukazzjoni Lokali

Studenti Universitarji jispiċċaw il-Junior College minħabba nuqqas ta’ spazju

Studenti fl-Università ta’ Malta qed isibu ma’ wiċċhom diffikultà meta qed jingħataw srtuzzjonijiet mil-Lecturers biex isegwu t-tagħhom mll-Junior College.

Il-ġurnal Times of Malta kkwota studenti mid-Dipartiment għall-Benesseri Soċjali li fl-aħħar ġimgħat il-Lecturers qalulhom li t-tutorials kellhom isiru fil-Junior College, fejn l-istudenti jkunu jistgħu jitqassmu fi gruppi iżgħar.

Ir-raġuni li ngħataw kienet li fil-Kampus m’hemmx biżżejjed kmamar f’dawk il-ħinijiet partikolari biex iservu għal dan il-għan. Iżda għall-istudenti, dan hu inkonvenjent ieħor minħabba l-ħin li jkollhom bżonn biex imorru minn post għall-ieħor u, agħar minhekk, minħabba l-problemi ta’ parkeġġ fiż-żewġ naħat.

Meta ressqu dan it-tħassib, l-istudenti ngħataw l-għażla li jkunu huma stess li jagħżlu post alternattiv. Ladarba dan ma kienx possibbli, u s-sessjonijiet qed jinżammu fil-Junior College, ħafna mill-istudenti qed jispiċċaw jaslu tard, bil-konsegwenza li jitilfu partijiet sostanzjali minnhom u jtellfu lil sħabhom.

Ikkuntattjat mill-ġurnal, Kelliem għall-Università ta’ Malta kkonferma dan ir-rapport u nħeba wara l-iskuża li l-iskedar tat-timetables hi xi ħaġa kumplessa u għalhekk, mhux dejjem ikun possibbli li jinstabu l-post u l-ħin adattat għall-istudenti kollha.

Jirriżulta li din mhix problema li nqalgħet din is-sena biss, hekk kif fis-sena akkademika li għaddiet kienet irrappurtata sitwazzjoni fejn Lecturers kienu qed jagħmlu s-sessjonijiet saħansitra fl-uffiċċji tagħhom jew jipposponuhom minħabba nuqqas ta’ spazju.