Grandma Got S.T.E.A.M. ġiet imnedija nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru fil-preżenza tal-Eċċellenza tagħha, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, u se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sad-9 ta’ Diċembru ġewwa Mkien A, Spazju Kreattiv.
L-esebizzjoni ġġib fi tmiemu proġett interġenerazzjonali li żviluppa matul serje ta’ workshops ta’ rrakkuntar ta’ stejjer matul ix-xhur li għaddew. Grupp ta’ żgħażagħ minn Youth.Inc – Aġenzija Żgħażagħ ħadem mill-qrib ma’ ħames nisa ta’ suċċess, ilkoll ġejjin minn industriji differenti, u li jappartjenu għall-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġineraija, l-Arti u l-Matematika (S.T.E.A.M.).
Matul il-proġett il-parteċipanti qasmu flimkien xogħolhom u esperjenzi minn ħajjithom filwaqt li ddiskutew xi ostakli u opportunitajiet li ltaqgħu magħhom. Dan kollu rriżulta f’xelta vasta ta’ memorji, emozzjonijiet, tamiet u ħolm, ilkoll iddokumentati fil-mazz tal-karti tal-istejjer akkumpanjati mit-tpinġijiet.
Rachael Blackburn, direttriċi ta’ Esplora semmiet kif “kien ta’ unur li wieħed jaħdem ma’ dan il-grupp ta’ żgħażagħ u jarahom jiżviluppaw fil-proċess permezz ta’ interazzjoni mat-tim u man-nanniet. L-eżempju ideali sabiex ix-Xjenza, l-Arti u l-Komunità jinġiebu flimkien permezz tat-tagħlim interġenerazzjonali.” Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Toni Sant, stqarr kif “Huwa permezz tal-kollaborazzjonijiet ma’ diversi organizzazzjonijiet li l-kreattività tal-espressjoni tista’ tibqa’ tissaħħaħ u tiżviluppa fost ġenerazzjonijiet u dixxiplini differenti.”
Il-proġett żviluppa fuq medda ta’ tliet fażijiet. L-ewwel fażi kienet tikkonsisti f’workshops ta’ rrakkuntar tal-istejjer bejn iż-żgħażagħ u l-ħames nanniet. Matul it-tieni fażi ġew żviluppati l-proċessi tal-irrakkuntar tal-istejjer u tad-disinn, sabiex eventwalment isseħħ il-produzzjoni tal-mazz karti bl-istejjer akkumpanjati mit-tpinġijiet. It-tielet fażi kienet tikkonsisti minn sessjonijiet għat-taħriġ ta’ min iħarreġ.
Dan il-proġett ġie kkurat minn Spazju Kreattiv u Esplora. Il-parteċipanti kkollaboraw ma’ Giuliana Fenech, li ffaċilitat l-element tal-irrakkuntar tal-istejjer, mal-illustratur Julian Mallia (magħruf ukoll bħala Julinu), u mal-fotografu Dragna Rankovic, sabiex jiżviluppaw il-karti tal-istejjer akkumpanjati mit-tpinġijiet.
Grandma Got S.T.E.A.M. hija ffinanzjata mill-Premju tal-President għall-Kreattività – Fond għall-arti li jappoġġja bis-sħiħ proġeti kreattivi soċjali u komunitarji. Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa kkordinat mill-Kunsill Malti għall-Arti f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.
//= $special ?>