Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbilità politika sabiex isem Malta ma jibqax jiġi mtappan.
Stqarrija ċara li saret mill-Kap tal-PN Adrian Delia fejn tenna li quddiem ir-rivelazzjonjiet riċenti dwar il-kumpanija 17 Black, Muscat m’għandux triq oħra. Adrian Delia kien qed jikkummenta wara li pparteċipa f’konferenza dwar il-qasam tal-Fintech, li saret f’lukanda f’San Ġiljan.
F’diskors tiegħu tul din il-konferenza., li għaliha kien hemm preżenti wkoll id-deputat Kristy Debono, Adrian Delia qal li pajjiżna, f’dan is-settur tal-Fintech, għamel avvanzi kbar; kisbiet li komplew ipoġġu lil Malta fuq il-mappa bħala mekka ċentrali fil-finanzi, fit-teknoloġija u fil-gaming.
Madankollu episodji ta’ korruzzjoni u tixħim li ġraw riċenti qed jitfgħu dell ikrah fuq pajjiżna. Dawn l-avvenimenti qed ittappnu l-investiment f’Malta, u dan anki qaluh aġenziji bħall-Bloomberg li stqarrew li dawn l-avvenimenti qed jaffetwaw bosta setturi f’pajjiżna, inkluż dak Finanzjarju. L-investituri m’għadhomx jaraw lil Malta bħala pajjiż sikur u trankwil għall-invetsiment.
It-Tnejn filgħaxija fil-Parlament, Adrian Delia kien ċar ħafna fil-konfront tal-Prim Ministru Muscat, fejn tenna l-istess stqarrija fil-mod kif Joseph Muscat mhux jiddefendi lil pajjiżna, iżda flok qed jiddefendi biss żewġ min-nies qrib tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed jagħmel dan id-diskors waqt diskussjoni dwar mozzjoni urġenti li preżenta Adrian Delia nnifsu, u li talbet għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri; seduta li fiha l-membri tal-Gvern lanqas lissnu kelma waħda dwar 17 Black.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li ħadd mhu għola mill-liġi, u saħaq li dawn tal-kumpaniji sigrieti kienu sturtturi maħsuba minn qabel biex tinkiser il-liġi.
//= $special ?>