Internazzjonali Unjoni Ewropea

BREXIT: Ir-Renju Unit u l-UE “jaqblu dwar il-kliem” tal-abbozz tal-ftehim

Uffiċjali tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ftit tal-ħin ilu qablu dwar il-kliem għall-abbozz tal-ftehim għall-irtirar ( tar-Renju Unit) mill-UE, b’dan qed jitqies bħala żblokk sinifikanti għan-negozjati.

Sorsi qrib il-Kabinett ta’ Londra qalu li sar qbil fuq id-dokument ‘fuq livell tekniku’ mill-uffiċjali taż-żewġ naħat, wara taħditiet intensivi, din il-ġimgħa.

Għaldaqstant, għada, se ssir laqgħa speċjali għall-Kabinett f’Londra meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, bħalissa qed tipprova tikseb l-appoġġ tal-Ministri tagħha.

Dan meta kull Ministru tal-Kabinett qed ikun mitlub biex jiltaqa’ ma’ May, il-lejla, għal taħditiet wiċċ-imb-wiċċ dwar l-aħħar żviluppi.

Il-futur tal-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża kienet l-aħħar issue sinifikanti li kellha tkun riżolta fost id-diżgwid dwar il-garanziji biex ma jkun hemm l-ebda ‘ritorn għal fruntiera viżibbli’ fl-Irlanda.