Francis Zammit Dimech u l-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete b’serje ta’ avvenimenti biex jimmarkaw il-Jum Dinji tad-Dijabete
“Il-Gvern Malti m’għandux idum aktar iżda jaġixxi immedjatament biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jsofru mid-dijabete u l-familji tagħhom. Matul ix-xhur li għaddew, jiena appellajt lill-Gvern biex jipprovdi moniters b’kontenut ħieles tal-glukożju, biex jipprovdi labar tal-pinna b’xejn 4mm għat-tfal, biex jagħti labar b’xejn lid-dijabetiċi inkluż apparat lancet u biex jiżgura li jkun hemm infermieradisponibbli fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.”
L-MEP Francis Zammit Dimech kien qiegħed jirreaġixxi wara dibattitu li organizza f’kollaborazzjoni mal-fergħa Ewropea tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete (IDF) fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Huwa laqa’ l-introduzzjoni ta’ Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete iżda qal li l-gvern għad għandu triq twila quddiemu biex jindirizza l-isfidi serji li jiffaċċjaw id-dijabetiċi.
Waqt id-dibattitu li għalih attendew dijabetiċi minn madwar l-Ewropa, Zammit Dimech tkellem dwar il-ħtieġa li tiġi trattata d-dijabete fil-modi kollha possibbli. Huwa rrefera għall-liġi tal-midja l-ġdida adottata mill-Parlament Ewropew u qal li din hi kruċjali biex jiġi żgurat li t-tfal ma jkunux esposti għal reklami li jippromwovu ikel u xorb mhux tajjeb għas-saħħa. Huwa qal li l-familji għandhom rwol kruċjali biex jesponu l-mezzi tax-xandir tajbin biex joffru l-ikel tajjeb.
Matul il-ġimgħa, l-MEP Zammit Dimech ingħaqad ma’ IDF Europe biex joffri wkoll lill-istaff kollu fil-Parlament Ewropew l-opportunità li jwettqu testijiet fuq livell taz-zokkor fid-demm b’xejn. Zammit Dimech, li għamel it-test innifsu, enfasizza dwar il-ħtieġa li kulħadd jagħmel dan it-test. “Nofs dawk li jbatu mid-dijabete lanqas biss huma konxji tal-kundizzjoni tagħhom. Dan jista’ jwassal għal konsegwenzi katastrofiċi fuq is-saħħa”, spjega Zammit Dimech.
L-MEP Roberta Metsola ġiet mistiedna wkoll biex tindirizza d-dibattitu. Fl-intervent tagħha, qalet “Aħna lkoll nafu xi ħadd bid-dijabete. Hija kondizzjoni li taffettwa madwar 10% tal-popolazzjoni Maltija, u li hija xi ħaġa li għandna kollha naħdmu flimkien biex nindirizzawha.
Il-Jum Dinji tad-Dijabete għandu jingħata l-prominenza li jeħtieġ u dan jinkludi l-għarfien, il-prevenzjoni, il-ġestjoni tal-kundizzjoni u r-riċerka. Għandna bżonn ta’ approċċ integrat fl-Istati Membri tal-UE biex nedukaw u nagħtu s-setgħa lin-nies li qed jgħixu bid-dijabete. Bħala rappreżentant ta’ Malta u Għawdex, inħossni kburija li d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kellha rwol żgħir fl-indirizzar tad-dijabete matul il-mandat tagħna u aħna se nkomplu nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-kwistjoni fuq nett tal-aġenda.”
L-avveniment kien indirizzat ukoll minn Ignacio Garamendi, Manager Reġjonali ta’ IDF Europe, il-Membru tal-Bord ta’l-IDF Europe Bastian Hauck, u minn diversi MEPs.
//= $special ?>