Ambjent Lokali

Il-kuntratturi tal-bulky refuse se jistrajkjaw; tikber il-problema tal-iskart goff

Il-kolletturi tal-iskart goff li jaqdu lill-Kunsilli Lokali mistennija jsejħu strajk wara li Wasteserv avżathom biex jaraw huma fejn se jiddisponu mill-iskart li jiġbru mil-lokalitajiet.

Dan l-iżvilupp wasal wara li s-sit ta’ Wasteserv fil-Magħtab fl-aħħar ġimgħat kien karatterizzat minn telqa totali. B’diversi sorsi fil-kumpanija jgħidulna li l-Wasteserv ma kelliex triq oħra ħlief li tagħlaq is-Civic Amenity Site.

Diversi persuni qalulna li din it-telqa ilha għaddejja żmien twil, sforz kriżi ta’ mmaniġġjar tas-sit. Dan hu rifless fir-ritratti li waslu għand dan is-sit, u li juru munzelli fuq munzelli ta’ apparat teknoloġiku, domestiku u oġġetti goffi mixħuta fl-art ma’ kullimkien.

Sentejn ilu l-Wasteserv kienet nediet kampanja biex issir riforma fiċ-Ċentri tal-Iskart Goff madwar il-pajjiż – azzjoni li donnha ftit ħalliet frott tant li issa qed ikunu l-kolletturi u ċ-ċittadini li jaraw x’se jagħmlu bl-iskart.

Dan għaliex kolletturi li tkellmu ma’ Net News qalulna li s-sitwazzjoni f’siti oħra fejn jinġabar dan l-iskart mhux aħjar u dawn is-siti lkoll huma mgħobbija bl-iskart li qed ikompli jakkumula.

Fid-dawl ta’ dan, il-kolletturi ddeċidew li l-Erbgħa se jiġbru l-iskart b’mod normali mil-lokalitajiet, iżda imbagħad se jmorru lkoll flimkien quddiem is-Civic Amenity Site ta’ Ħal Luqa mgħobbija bl-iskart goff f’forma ta’ protesta.

Mhux magħruf x’se jiġri mill-Erbgħa ‘l quddiem, meta l-iskart ikompli jakkumula u bil-kolletturi li mhux lesti jsolvu l-problemi li ilhom jinġemgħu iżda li l-awtoritajiet naqsu milli jindirizzaw.

Ritratt: Cami Appelgren