Sport Waterpolo

It-tim żagħżugħ Malti megħlub mill-Ġermanja

ĠERMANJA……….. 23   MALTA…………. 9   (3-4), (7-1), (5-2), (8-2)

Wara t-telfa ta’ 18-5 kontra r-Russja x-xahar li għadda, it-tim nazzjonali Malti sofra t-tieni telfa fit-tieni logħba minn Grupp A għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-World League.

Il-kowċ Malti Karl Izzo kellu skwadra bbażata fuq plejers żgħażagħ, bl-akbar plejer Malti hu l-captain għal dawn il-logħbiet Jordan Camilleri li għandu 26 sena. Neqsin fost l-oħrajn hemm Stevie Camilleri u Matthew Zammit filwaqt li l-iżgħar plejer fit-tim kien il-plejer ta’ Neptunes Jake Muscat.

It-tim Malti kien fetaħ l-iskor wara minuta u nofs b’gowl mis-centre ta’ Jeremy Abela, bl-istess plejer jirdoppja minuta wara mill-istess pożizzjoni. Il-plejers Maltin saħansitra kabbru l-vantaġġ għal tliet gowls lejn nofs is-sessjoni permezz ta’ Ben Plumpton mix-xellug.

Plumpton saħansitra għamlhom 4-0 b’konklużjoni tajba f’azzjoni li kellhom superjorità numerika. Iżda l-Ġermanja wettqet reazzjoni u f’anqas minn minuta u nofs minn tmiem l-ewwel sessjoni skorjaw tliet darbiet. Huma komplew ir-rimonta billi marru minn fuq sal-ewwel żewġ minuti sat-tmiem it-tieni sessjoni kellhom distakk komdu ta’ 10-5. Għat-tim Malti skorja Jordan Camilleri lejn tmiem is-sessjoni.

L-iskor kompla jikber għal 13-5 fit-tielet sessjoni, b’Jordan Camilleri jerġa’ jnaqqas id-distakk din id-darba b’xutt minn pożizzjoni ċentrali f’okkażjoni ta’ man-up. Il-Ġermanja żiedet żewġ gowls oħra fl-aħħar minuta tas-sessjoni, biex bdiet l-aħħar perjodu 15-7 minn fuq.

Ben Plumpton għamel l-iskor 17-8 minn pożizzjoni ċentrali f’azzjoni oħra ta’ man-up. Jordan Camilleri skorja r-raba’ gowl personali lejn nofs l-aħħar sessjoni u għamel l-iskor parzjali 19-9, iżda l-Ġermaniżi rnexxielhom jiskorjaw erba’ darbiet oħra sat-tmiem.

Malta: N. Grixti, N. Bugelli, A. Galea, J. Sciberras, J. Muscat, I. Riolo, B. Plumpton (3), J. Camilleri (4), J. Abela (2), Da. Zammit, Z. Mizzi, Mi. Zammit, J. Tanti

Ir-reazzjonijiet ta’ Karl Izzo u Joe Caruana Curran

“Ninsab diżappuntat bl-iskor finali għaliex fallejna diversi okkażjonijiet ta’ skor quddiem il-lasta u għamilna wkoll żbalji kruċjali fid-difiża, iżda kellna kellna mumenti pożittivi speċjalment fl-ewwel sessjoni.”

Dawn kienu l-ewwel kliem tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo wara l-partita. Hu żied li l-Ġermanja hu tim fiżiku aktar mit-tim Malti. Hu kompla li dan it-tim hu pjuttost żagħżugħ li sewa f’din il-logħba, iżda qal li kull logħba internazzjonali se tgħinhom fil-futur.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li l-ASA se tkompli tipprovdi opportunitajiet biex it-tim Malti jipparteċipa f’kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ prestiġju, speċjalment lill-plejers żgħażagħ li se jiffurmaw l-ispina tat-tim nazzjonali tal-futur.

Hu rringrazzja lill-kowċis u l-plejers tal-impenn, id-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom li jkompli jagħmel il-waterpolo aktar popolari f’pajjiżna. Caruana Curran irringrazzja lill-klabbs tas-sapport u l-koperazzjoni kif ukoll l-isponsors tas-sapport tagħhom biex mawriet bħal dawn ikunu possibbli.