Mietu numru ta’ nies fost battalji intensivi fiz-zona tal-fruntiera bejn Iżrael u l-Medda ta’ Gaza, bl-osservaturi jirreferu għall-vjolenza bħala ‘l-agħar fl-inħawi mill-2014’.
Il-militanti Palestinjani f’Gaza ilhom mil-lejl tat-Tnejn jisparaw mijiet ta’ missili lejn Iżrael, bl-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani jirritaljaw u jolqtu ‘madwar 150 mira tal-militanti’.
Sitt Palestinjani – erba’ minnhom militanti – mietu waqt l-attakki fuq Gaza waqt li ċivili Palestinjan tilef ħajtu waqt attakk bir-rokits fuq zona lejn in-nofsinar ta’ Iżrael.
Dan waqt li n-Nazzjonijiet Uniti sejħu biex l-Iżraeljani u l-awtoritajiet Palestinjani f’Gaza jeżerċitaw il-kontroll u jieqfu mill-vjolenza.
L-inkwiet mal-fruntiera ħa spinta wara li, nhar il-Ħadd, saru magħrufin l-attivitajiet tal-qawwiet speċjali Iżraeljani ‘li kienu qed jaħdmu minn taħt’ fil-Medda ta’ Gaza. Kmandant tal-grupp militanti Hamas spiċċa fost seba’ militanti maqtula fost il-konfronti sussegwenti, b’kurunell Iżraeljan mal-qawwiet speċjali wkoll jitlef ħajtu.
Intant, fl-aħħar sigħat, il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani wettqu ‘offensiva kbira’ fuq il-miri militari tal-Hamas u l-grupp tal-militanti Jihad Iżlamiku. Fost il-miri kien hemm il-kwartieri tas-servizzi sigrieti militari tal-Hamas fit-Tramuntana ta’ Gaza flimkien ma’ ‘bastiment uniku’ f’port lejn in-nofsinar ta’ dak it-territorju.
Il-bini tal-istazzjon tat-Televiżjoni Al-Aqsa ( tal-Hamas) ukoll spiċċat ibbumbardjata wara l-evakwazzjoni tan-nies mill-inħawi. Dan waqt li kelliema għall-qawwiet Iżraeljani qalu li din il-faċilità ‘qed tikkontribwixxi għall-azzjonijiet militari tal-Hamas’.
//= $special ?>

