In-nirien li qabdu fl-Istat Amerikan ta’ Kalifornja u li qed jitqiesu bħala l-agħar għal għexieren ta’ snin komplew javanzaw mill-artijiet fost l-irwiefen li qamu, anki waqt li l-iskwadri tas-salvataġġ għadhom ifittxu ‘għall-katavri qalb il-ġmied’ fl-artijiet meqruda.
Intant, irwiefen ġodda b’veloċità ta’ 70 kilometru fis-siegħa qed ‘jixprunaw’ l-hekk-imsejjaħ Woolsey Fire li qed jhedded mal-57,000 residenza.
Nar ieħor qattiel, bl-isem Camp Fire, għadu qed jaqbad fit-Tramuntana ta’ Kalifornja, bl-iskwadri għall-emerġenza qegħdin jistinkaw biex iġibuh taħt kontroll.
Fil-Camp Fire mietu talanqas 42 persuna, bil-fjammi tiegħu jeqirdu kważi 7,200 dar. Il-Camp Fire issa għadda – f’termini ta’ qerda tal-ħajja – id-diżastru ta’ Griffith Park, fl-1933, biex sar l-aktar nar qattiel fl-istorja ta’ Kalifornja. Dan wara li fl-aħħar sigħat kienu rkuprati 13-il katavru miz-zona u meta l-awtoritajiet għadhom ma jafux s’sar minn ħafna nies oħrajn irrappurtati nieqsa.
Intant, numru kbir ta’ search teams qed iħejju tfittxija oħra għall-vittmi qalb il-fdalijiet tal-belt ta’ Paradise li nqerdet għal kollox fin-nirien.
In-nar ta’ Woolsey, s’issa, qatel żewġ persuni filwaqt li qered partijiet tar-resorts viċin il-baħar, inkluż ta’ Malibu. Intant, ‘il fuq minn 300,000 resident kienu kostretti li jabbandunaw djarhom tul it-territorju ta’ Kalifornja.
//= $special ?>

