Għawdex Knisja Lokali

L-Arċipriet ma jridx jikkummenta; appoġġ mill-komunita’ taż-Żebbuġ

L-Arċipriet il-ġdid taż-Żebbuġ Għawdex, Dun Ġwann Sultana ma xtaqx jikkummenta ma’ Net News wara l-kontroversja li faqqgħet ilbieraħ meta xxandar filmat illi juri l-mument li fih daħal fil-parroċċa l-ġdida tiegħu.

“Ma nixtieqx nikkummenta. Imma Malta ċertu affarijiet ma jinftehmux”, qalilna l-Arċipriet meta kkuntatjajnih dalgħodu. Hu insista li ma riedx jitkellem dwar dak li ġara.

Dun Ġwann, li għandu 47 sena, ġie ordnat qassis f’Ġunju tan-1996 u beda bix-xogħol Pastorali tiegħu f’Ruma. Huwa ġie lura Malta sentejn wara u beda jieħu ħsieb il-komunita ta’ San Anton fix-Xagħra.

Fil-fatt, hu kien ilu mill-1998 fil-Knisja ta’ San Anton Abbati, fejn kien maħbub ħafna mit-tfal f’din il-komunita’. U kien għalhekk li t-tfal taż-Żebbuġ riedu jagħtuh merħba mill-isbaħ fil-parroċċa tagħhom – mill-kbar saż-żgħar nett, bl-iżgħar tkun tarbija tat-twelid li ħaduha apposta biex issellem lill-Arċipriet il-ġdid.

Hu kien appuntat ukoll bħala Direttur fl-istamperija tal-Arċidjoċesi Għawdxija filwaqt li kien appuntat kanonku tal-parroċċa ta’ Marija Bambina fix-Xagħra.

Ikkummenta