Mill-elezzjoni tal-Kunsilli u tal-Parlament Ewropew, l-għadd tal-voti mistenni jsir kollu b’mod diġitali. Dan wara li s-sena l-oħra ġie ffirmat l-kuntratt mal-kumpanija Ingliża Idox – l-istess kumpanija li ghamlet xogħlijiet fl-istruttura tas-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.
Waqt żjara li kienet organizzata għall-media, ġiet preżentata s-sistema l-ġdida tal-għadd tal-voti li issa tinsab lesta.
Il-proċess ta’ kif jaslu l-kaxxi baqa’ l-istess. Imbghad, kif jinfetħu il-kaxxi quddiem il-perspex, ipoġġu l-voti wiċċhom l-isfel fi tray apposta. La darba dan il-proċess ikun lest il-kaxxa tkun immarkata b’barcode uniku, u tgħaddi minn scanner li jiġbed ritratt tal-voti kollha.
Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret illi l-karta tal-vot se tinbidel ukoll biex issa kull kandidat se jkollu ritratt tiegħu ħdejn ismu.
Il-kaxxi tal-voti se jiġu mibdula kollha għal kaxxi tal-plastik. Dawn il-kaxxi se jkunu jissakkru u jiġu ssiġillati mill-Kummissjoni u l-partiti bl-istess mod li kien isir fuq il-kaxxi l-antiki.
Intant, fil-jiem li ġejjin mistenni jsir l-ewwel test tas-sistema li se jinvolvi aktar minn 300,000 vot sabiex jassiguraw li s-sistema hija lesta għad-domanda ta’ elezzjoni Maltija.
Fl-1 ta’ Diċembru intant se jkun hemm mock test ieħor li għandu jgħin fit-tfassil tal-għadd tal-voti.
//= $special ?>