Internazzjonali

Stati Uniti: L-ewwel senatur mara għal Arizona

L-Istat ta’ Arizona eleġġa lil Kyrsten Sinema, tal-Partit Demokratiku, bħala l-ewwel senatur mara, b’din tegħleb lil Martha McSally, tar-Repubblikani, f’taqtigħa missielta.

Intant, Sinema saret l-ewwel senatur tal-Partit Demokratiku għal Arizona (lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż) mill-1994, u b’din ir-rebħa, il-maġġoranza tar-Repubblikani naqset għal erba’ siġġijiet (51 kontra 47) meta għad jonqos għar-riżultati ta’ żewġ elezzjonijiet oħra għas-Senat.

Fl-Istat ta’ Florida għandu jsir recount wara li r-riżultati mhumiex uffiċjali spiċċaw f’marġni ta’ 0.5 fil-mija. Intant, l-Istat ta’ Mississippi se jorganizza elezzjoni deċiżiva aktar ’il quddiem dan ix-xahar.

Kyrsten Sinema, li għandha 42 sena, qed tieħu postha fis-Senat minflok Jeff Flake, li hu kritiku kbir tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump. Fl-ewwel diskors lill-partitarji wara r-rebħa, fi Scottsdale, hi, intant, tkellmet dwar il-ħtieġa urġenti li jispiċċa d-diżgwid politiku aħrax fost l-Amerikani.