Sport Waterpolo

Stevie u Jordan Camilleri jispikkaw fir-rebħa ta’ Roma Nuoto fuq Lazio

L-aħwa Stevie u Jordan Camilleri reġgħu spikkaw u kienu strumentali, biex din id-darba Roma Nuoto kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat Taljan A1 b’rebħa fid-derby kontra Lazio Nuoto bl-iskor ta’ 10-7. Stevie Camilleri skorja tripletta u Jordan Camilleri skorja gowl ieħor, biex irrepetew dak li għamlu l-ġimgħa ta’ qabel fit-telfa ta’ 8-7 kontra Pallanuoto Trieste.

Stevie Camilleri reġa’ spikka fl-attakk flimkien mal-Montenegrin Vjekoslav Paskovic li bejniethom skorjaw sitt gowls quddiem madwar 1000 spettatur. B’din ir-rebħa, Roma Nuoto telgħu b’sitt punti daqs Canottieri Napoli, Florentia, Savona u Ortigia.

Stevie Camilleri skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-logħba biex għamel l-iskor 1-1, b’konklużjoni minn pożizzjoni ċentrali f’azzjoni ta’ superjorità numerika. Fit-tieni sessjoni kien Jordan Camilleri li għamilhom 3-1 f’azzjoni oħra ta’ man-up. Wara li Lazio naqqsu d-distakk, reġa’ kien Stevie Camilleri li reġa’ skorja minn man-up iżda din id-darba mix-xellug meta rnexxielu jgħaddi l-ballun minn angolu ristrett. Roma daħlu jistrieħu 5-4 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, Roma rnexxielhom ikabbru d-distakk għal tliet gowls b’gowls minn Vjekoslav Paskovic u Matteo Spione, biex wara li Lazio naqqsu d-distakk, il-captain ta’ Roma Roberto Africano għamel l-iskor 8-5. Fl-aħħar sessjoni, Stevie Camilleri prattikament assigura mir-rebħa meta għamel l-iskor 9-5 b’konklużjoni mill-isbaħ mid-distanza. Lazio pruvaw jibqgħu fil-logħba b’żewġ gowls konsekuttivi, iżda Paskovic issiġilla r-rebħa.

Roma Nuoto jilagħbu l-logħba li jmiss is-Sibt li ġej kontra Canottieri Napoli, tim li ġej minn telfa kontra Posillipo.

Fil-klassifika tal-aqwa skorers tas-Serie A1, Stevie Camilleri jinsab fil-11-il post b’disa’ gowls. Dan minkejja li tilef l-ewwel żewġ logħbiet tal-kampjonat, bi tripletta kontra Pro Recco, Pallanuoto Trieste u Lazio Nuoto.