Lokali

Tliet inċidenti fatali fit-tielet kwart tas-sena

Ritratt: Martin Agius (mill-arkivji)

In-numru ta’ inċidenti tat-traffiku irrapportati fit-tielet kwart ta’ din is-sena laħaq 3,656, Dan l-ammont nieżel b’6.4% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017. L-akbar ammont ta’ inċidenti kien rapportat fin-naħa tal-Port ta’ Marsamett, b’1,318 każ.

L-inċidenti tat-traffiku naqsu b’7.8 fil-mija għal 463 meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2017. Fost dawn kien hemm tliet inċidenti fatali. Dawk li weġġgħu gravi ammontaw għal 51 sewwieq, 16-il passiġġier, 14-ilpersuna li kienu mixja fit-triq u ċiklist. In-numru totali ta’ fatalitajiet matul l-ewwel disa’ xhur ammonta għal 16.

Il-maġġoranza tal-persuni li kienu involuti f’inċidenti tat-traffiku kienu irġiel, b’70.7%. Filwaqt li l-maġġoranza tal-vittmi kienu fil-faxxa ta’ bejn is-26 u l-40 sena.

L-akbar numru ta’ diżgrazzji tat-traffiku kienu jinvolvu karozzi tal-passiġġieri, segwiti minn muturi u vetturi li jġorru l-merkanzija. Total ta’ 11-il ċiklist ntlaqtu mill-karozzi tal-passiġġieri, li waħda minnhom sofriet ġrieħi gravi.

L-ogħla rata ta’ diżgrazzja tat-traffiku seħħet nhar ta’ Ġimgħa, li kienet tammonta għal 21.4 fil-mija tad-diżgrazzji totali; filwaqt li l-ogħla numru ta’ inċidenti tat-traffiku saru nhar ta’ Erbgħa b’16.3 fil-mija.

Il-faxxa ta’ ħin li matulha seħħew ħafna inċidenti tat-traffiku fit-toroq kienet bejn 12:00 u 14:59, b’806 każ jew 22.0 fil-mija tat-total. L-inqas numru ta’ inċidenti li jseħħu kuljum sar bejn 00:00 u 02:59

L-akbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku kien irreġistrat f’Birkirkara b’328 każ. Isegwu San Pawl Bajja u Ħal Qormi, b’200 u 191 inċident irrappurtat rispettivament.