Futbol Sport

Udinese u Chievo jħabbru l-kowċis il-ġodda tagħhom

Chievo Verona għażlu lil Domenico Di Carlo biex jieħu post Giampiero Ventura bħala kowċ tat-tim. Di Carlo nħall mill-kuntratt li kellu ma’ Novara u ffirma kuntratt ta’ sitt xhur.

Għal Di Carlo din se tkun it-tielet esperjenza tiegħu bħala kowċ ta’ Chievo Verona. L-ewwel esperjenza bdiet f’Novembru tal-2008 meta dakinhar ħa post Beppe Iachini. Hu mexxa lit-tim biex spiċċa f’nofs il-klassifika għal żewġ staġuni konsekuttivi, iżda f’Mejju tal-2010 kien irriżenja mill-kariga. Hu rritorna sena wara u wara li salva lit-tim mir-relegazzjoni, kien tkeċċa f’Ottubru tal-2012 u mibdul minn Eugenio Corini wara bidu diffiċli għall-istaġun 2012/2013.

Di Carlo sar it-tielet kowċ ta’ Chievo Verona f’dan l-istaġun. Lorenzo D’Anna beda dan l-istaġun u tneħħa biex inħatar Ventura, iżda dan tal-aħħar irriżenja wara li kiseb l-ewwel punt f’erba’ logħbiet. Chievo kellhom bidu diffiċli għal dan l-istaġun fejn bħalissa jinsabu f’qiegħ il-klassifika mingħajr rebħa u mingħajr punt, wara li aktar kmieni fil-kampjonat kienu tnaqqsulhom tliet punti.

Udinese jibdlu wkoll il-kowċ

L-esperjenza ta’ Julio Velazquez fis-Serie A damet biss 12-il logħba hekk kif Udinese ħabbru t-tneħħija tal-kowċ Spanjol ta’ 37 sena. It-telfa fl-aħħar logħba kontra Empoli kienet dik fatali biex Velazquez ma jibqax fit-tmexxija teknika, bl-aħħar rebħa ta’ Udinese tmur lura għat-23 ta’ Settembru kontra Chievo Verona.

Postu ttieħed minn Davide Nicola li se jirritorna fis-Serie A wara li f’Diċembru tas-sena l-oħra kien tkeċċa minn kowċ ta’ Crotone wara telfa proprju kontra Udinese, dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Massimo Oddo. Nicola ngħata kuntratt ta’ sena u nofs u kien preferut minn Massimo Carrera li għadu taħt kuntratt ma’ Spartak Moscow.

B’hekk huma biss Genoa li għandhom kowċ barrani fis-Serie A bħalissa. Udinese bħalissa jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni b’disa’ punti miksuba fi 12-il logħba.

Tags