Sport Sport Ieħor

Agnieszka Radwanska tirtira mit-tennis fl-età ta’ 29 sena

Agnieszka Radwanska ħabbret li rtirat mit-tennis fl-età ta’ 29 sena. L-eks numru tnejn tad-dinja kienet tilfet il-finali ta’ Wimbledon fl-2012 kontra Serena Williams.

F’karriera ta’ 13-il sena hi rebħet 20 titlu WTA u bejn l-2008 u l-2016 spiċċat kull staġun mal-aqwa 15-il tennista fir-rankings tad-dinja. Bħalissa hi tinsab fil-75 post fid-dinja u ilha ma tirbaħ titlu minn Ottubru tal-2016. Minbarra t-titli WTA, Radwanska waslet sas-semifinali tal-Open tal-Awstralja darbtejn, darba sal-kwarti tal-finali tal-Open ta’ Franza u lagħbet diversi drabi fit-tieni ġimgħa tal-Open tal-Istati Uniti.

Radwanska qalet li d-deċiżjoni li tirtira kienet waħda mill-aktar importanti li ħadet f’ħajjitha u qalet li ma kinitx faċli biex waslet għal din id-deċiżjoni. “Sfortunatament ma nistax nitħarreġ u nilgħab bil-mod kif kont u riċentament ġismi ma għadux ilaħħaq mal-aspetattivi tiegħi,” qalet Radwanska.

Il-Pollakka kompliet li hi kkunsidrat saħħitha u d-diffikultajiet li tilgħab tennis professjonali u ammettiet li ma tistax tilgħab sal-limitu li hemm bżonn.

Tags