Claudio Ranieri se jkun qed jirritorna jmexxi klabb fil-Premier League hekk kif inħatar manager ta’ Fulham bħala s-sostitut ta’ Slavisa Jokanovic. Fulham kellhom bidu diffiċli fir-ritorn tagħhom fil-Premier League, b’rebħa biss fi 12-il logħba u jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.
L-ewwel logħba għal Ranieri ma’ Fulham se tkun fi Craven Cottage kontra Southampton fl-24 ta’ Novembru. Fi spazju ta’ tlett ijiem fil-bidu ta’ Diċembru, Ranieri jiffaċċja ż-żewġ klabbs li mexxa fil-passat fl-Ingilterra, jiġifieri Chelsea u Leicester.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Claudio Ranieri qal li hu ta’ unur li jaċċetta l-opportunità li jmexxi klabb bi tradizzjoni u storja bħal Fulham. “L-objettiv ta’ Fulham ma għandu qatt ikun li jsalva bi tbatija fil-Premier League. Aħna rridu l-ħin kollu nkunu avversarju diffiċli.
Dan se jkun is-17-il tim differenti fil-karriera ta’ Ranieri, b’karriera twila li fiha mexxa timijiet bħal Napoli, Juventus, Inter, Valencia u Atletico Madrid. Il-kowċ ta’ 67 sena spiċċa t-tieni ma’ Chelsea, Juventus, Roma u Monaco u ħafna kienu jgħidu li mhux se jirbaħ kampjonat fil-karriera, sakemm bl-aktar mod sorprendenti mexxa lil Leicester għar-rebħ tal-Premier League fl-2016.
Jokanovic kien inħatar manager ta’ Fulham fl-2015 u għenhom jirritornaw fil-Premier League wara nuqqas ta’ erba’ snin. L-istaġun li għadda, Fulham għaddew sensiela pożittiva ta’ 23 logħba mingħajr telfa.
Is-sid ta’ Fulham Shahid Khan ammetta li ma kienx qed jantiċipa li jagħmel din il-bidla u xtaq li ċ-ċirkustanzi kienu differenti, iżda qal li kellu jieħu d-deċiżjoni fiż-żmien it-tajjeb għall-plejers, il-klabb u l-partitarji.
//= $special ?>