“Hemm l-Inkjesta … nistennew wara”. Din tidher li hi l-frażi imposta minn Kastilja biex kull Ministru, Segretarju Parlamentari u Deputat Laburista jwieġeb biex ma jweġibx dwar is-sitwazzjoni imbarazzanti li spiċċa fiha l-Gvern meta sar magħruf li 17 Black hi ta’ Direttur mill-Konsorzju li bena l-Power Station.
Issa anke s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, bħall-kumplament ta’ sħabu, tenna din il-kantaliena meta mistqosi minn NET News jekk jaħsibx li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandhomx jirriżenjaw, iwarrbu jew jitwarrbu wara dak li kien żvelat ftit tal-jiem ilu.
Hu baqa’ bl-istess kantaliena wkoll meta mistoqsi jekk jaħsibx li almenu għandhom iwarrbu sakemm tintemm l-Inkjesta u jerġgħu lura fil-karigi tagħhom jekk isimhom jitnaddaf.
Din il-mossa tidher li hi waħda komuni għad-Deputati Laburisti, li qed isibuha diffiċli jiddefendu lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Mizzi kien imċanfar mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), li qed jagħżel li kontinwament jaħrab lill-ġurnalisti fl-attivitajiet li l-Ministeru tiegħu stess ikun fetaħ għall-media.
Dwar dan, l-IĠM qal li l-Ministru Konrad Mizzi qed jilgħab noli biex jaħrab il-mistoqsijiet.
//= $special ?>