Floriana wettqu bidla fit-tmexxija teknika għat-tieni darba dan l-istaġun hekk ħarġet l-uffiċjalità li tneħħa Luis Oliveira u ħatru lil Guido Ugolotti bħala l-kowċ il-ġdida tagħhom. Oliveira kien inħatar kowċ ta’ Floriana għat-tieni darba lejn tmiem Awwissu u ħa post Nicolas Chiesa li tneħħa minn kowċ tat-tim wara li Floriana tilfu l-ewwel żewġ logħbiet tal-kampjonat.
F’dan it-terminu qasir, Oliveira kiseb erba’ rebħiet u erba’ telfiet, bl-aħħar waħda tkun proprju l-Ħadd li għadda kontra Mosta bl-iskor ta’ 1-0. Din ir-rebħa ma waslitx bi prestazzjoni spettakolari, u probabbli kienet ir-raġuni deċiżiva biex il-President ta’ Floriana Riccardo Gauci għażel li jagħmel bidla oħra.
Floriana bħalissa jinsabu fid-disa’ post fil-kampjonat, seba’ punti mir-raba’ post li possibbilment hu l-aħħar post li jfisser parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet Ewropej staġun ieħor.
Bħala sostitut ta’ Oliveira, Floriana ħatru lil Guido Ugolotti, f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna. Il-kowċ Taljan għandu 60 sena u l-aħħar klabb li mexxa kien Teramo li jilagħbu fil-Lega Pro. Ugolotti kellu karriera bħala plejer, bl-aktar esperjenza sinifikanti tkun dik ma’ Roma fejn lagħab bejn l-1975 u l-1983, b’esperjenzi b’self ma’ Avellino u Pisa f’dak iż-żmien.
Il-kowċ Taljan se jkun qed jieħu t-tmexxija tat-tim mil-lum, bl-ewwel impenn tiegħu se jkun fl-24 ta’ Novembru f’konfront diffiċli kontra l-leaders Gżira United.
//= $special ?>