Kunsilli Lokali Lokali

“Il-kunsillieri tal-PL marru kontra x-xewqa tal-Gudjani” – PN

Stqarrija mill-kunsillieri tal-PN Mark Anthony Sammut u Stefan Caruana

Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja Mark Anthony Sammut u Stefan Caruana, jinnutaw li mil-lum suppost kellha tidħol fis-seħħ fil-lokalità tal-Gudja by-law (liġi lokali) proposta minnhom u approvata unanimament mill-Kunsill Lokali kollu sabiex vetturi mhux ta’ residenti ma jkunux jistgħu jitħallew ipparkjati għal iktar minn 24 siegħa.

L-intenzjoni ta’ din il-by-law kienet primarjament li jinqatgħu abbużi minn uħud li jħallu l-vettura tagħhom ipparkjata fil-lokalità għal ġranet, ġimgħat u saħansitra xhur sħaħ meta jsiefru, peress li l-lokal huwa z-zona l-iktar viċina għall-ajruport internazzjonali ta’ Malta b’konsegwenzi kbar fuq ir-residenti.

F’Lulju, l-Kunsill Lokali ffinalizza din il-by-law u ġie notifikat id-Dipartiment u l-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali kif titlob il-liġi. Minkejja li għaddew aktar minn sitt ġimgħat li l-liġi tagħti lok lill-Ministru jressaq emendi jew oġġezzjonijiet, il-Kunsill qatt ma rċieva ebda emenda jew oġġezzjoni mill-Ministru.

Fil-5 ta’ Ottubru, il-Kunsill Lokali ġie biss infurmat mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali li din il-by-law ma setgħetx tiġi aċċettata għax jeżistu l-iskemi ta’ pparkjar kontrollat. Dan meta kulħadd jaf li dawn l-iskemi jinsabu ffriżati. Infatti, ftit tal-ġimghat ilu l-Kunsill Lokali ta’ Birzebbuġa ressaq applikazzjoni għal din l-iskema, u fl-24 ta’ Ottubru ġie infurmat minn Transport Malta li “dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet mhux qed jiġu milqugħa”.

Fil-laqgħa tal-Kunsill Lokali tat-23 ta’ Ottubru, fuq proposta tal Kunsillieri Nazzjonalisti, il-Kunsill Lokali kollu qabel li ġaladarba ma rċevejna l-ebda emenda jew oġġezzjoni mill-Ministru u mxejna f’kollox skont il-proċedura stabbilita, kellna ninfurmaw lill-Ministru b’ittra legali li se nibqgħu għaddejjin u nintroduċu din il-by-law.

Ilbierah il-Kunsilliera Laburisti għamlu u-turn u marru kontra ta’ dak li appoġġaw fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill, fejn issa qed jgħidu li se jkomplu jistennew x’jgħidu l-awtoritajiet. B’arroganza ħarġu stqarrija f’isem il-Kunsill Lokali kollu mingħajr qatt ma tellgħuha għal diskussjoni quddiem il-Kunsill.

Permezz ta din l-istqarrija, il-Kunsillieri Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut u Stefan Caruana qegħdin jiddikjaraw li huma se jaraw li l-proċess ikompli miexi skont kif titlob il-liġi.

Artiklu 35(8) tal-Liġi tal-Kunsilli Lokali jitkellem ċar u jgħid li jekk il-Kunsill ma jirċevi l-ebda oġġezzjoni mingħand il-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali fi żmien sitt ġimgħat, is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-by-law tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Ġvern u tidħol fis-seħħ b’effett minn xahar wara l-pubblikazzjoni fl-istess gazzetta. Għaldaqstant, illum stess ktibna lis-Segretarju Eżekuttiv fejn infurmajnieh li nistennew li hu jibqa’ għaddej u jwettaq dmiru skont il-liġi u skont kif kien qabel il-Kunsill fil-laqgħa preċedenti, u jippubblika din il-by-law fil-Gazzetta tal-Gvern.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jwegħdu lir-residenti kollha tal-Gudja li se jieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex dak li huwa tal-Gudjani bi dritt, ċioe li tidħol fis-seħħ din il-by-law maqbula mill-Kunsill tagħhom wara konsultazzjoni magħhom, iseħħ malajr kemm jista’ jkun. Huma jsostnu li mhu se jħallu lil ħadd u lil xejn iċaħħad lill-Gudjani mid-drittijiet tagħhom, la l-Gvern Ċentrali li prova jgħaddihom biż-żmien, u lanqas lill-kunsillieri Laburisti li llum jgħidu mod u l-għada jgħidu mod ieħor.