Ħaddiema li jservu fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi huma urtati u mdejqa għall-mod xejn dinjituż li bih qed ikunu trattati fejn saħansitra identifikaw lil persuna partikulari mibgħut mill-Ministeru tal-Intern f’kariga għolja li fil-konfront tagħhom saħansitra juża lingwaġġ abbużiv.
Ħaddiema li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissrulna li d-diskriminazzjoni fost il-ħaddiema li jservu fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi mhijiex biss fuq bażi u fuq livell politiku imma wkoll fuq livell jekk ċerti ħaddiema jaċċettawx ċerti avvanzi jew le.
Is-sitwazzjoni saret tali perikoluż b’ħaddiema jilmentaw saħansitra mal-Ministeru tal-Intern dwar dak li qed jiġri spiss fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi, iżda hawnhekk tipprevali l-inkompetenza ta’ ċerti rjus kbar fl-istess Ministeru li jagħtu raġun lil dawn l-ilmenti mressqa mill-ħaddiema, iżda mbagħad qed ikunu inkapaċi biex jieħdu azzjoni.
Invista ta’ dan ix-xenarju xejn pjaċevoli li l-istess ħaddiema qed ikunu kostretti jibqgħu jesperjenzaw spiss fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi, l-unika alternattiva għalihom kienet dik li jressqu l-ilmenti tagħhom f’Kastilja bit-tama li min imexxi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jieħu xi tip ta’ azzjoni.
L-istess ħaddiema li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissrulna wkoll li filwaqt li huma qed ikunu esposti biex jaħdmu f’ċerti riskji żejda u bla bżonn u invista tal-fatt li donnu kulħadd qed ikaxkar saqajh biex jittieħdu ċerti miżuri u passi fil-konfront ta’ min qiegħed fit-tmexxija fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi, kien hemm saħansitra impjegati Laburisti li spiċċaw ressqu l-ilmenti tagħhom ukoll fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Sadattant dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon komplew jiżvelaw magħna li filwaqt li sa ftit tax-xhur ilu biss fl-istess Ċentru ta’ Detenzjoni kienet tirrenja l-armonija u r-rispett reċiproku bejn il-ħaddiema, issa dan kollu nbidel u ħaddiema qed ikunu kostretti jidħlu għax-xogħol b’nuqqas kbir ta’ motivazzjoni minħabba l-mod xejn dinjituż li bih qed ikunu trattati.
Dan il-ġurnal għandu rapporti ta’ ħaddiem mibgħut fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni direttament mill-Ministeru tal-Intern li mhux biss jitkellem baxx u pastaż fil-kontront ta’ ħaddiema, iżda saħansitra wasal biex ipprova jagħmel ċerti avvanzi fil-konfront ta’ suppost kollegi nisa.
Dan l-istess ħaddiem – li jaħseb li għalih ma jista’ ħadd tant li lill-ħaddiema jheddidhom li lest jagħmlilhom mażżra ma’ għonqhom, jitfagħhom il-baħar u mbagħad jaqbeż fuqhom biex ikun ċert li ħeles minnhom – jhedded lill-istess ħaddiema li “allaħares ikun jaf li xi ħadd minnhom irrikorra għall-għajnuna għand il-Ministeru jew Kastilja.”
Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon komplew jiżvelaw magħna li din il-persuna partikulari fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi ġabet nuqqas kbir ta’ armonija u bħal tieħu gost u titpaxxa li għadd ta’ ħaddiema spiċċaw jgħixu f’‘infern’.
//= $special ?>