Futbol Sport

Jude Amin Utulu jitkeċċa minn referee tal-MFA

Jude Amin Utulu

Jude Amin Utulu tkeċċa minn referee mill-MFA talli kiser ir-regoli tal-assoċjazzjoni. Fi stqarrija, il-Malta Football Association qalet li s-sanzjoni ħarġet mis-sotto kumitat tad-dixxiplina tar-referees wara diversi laqgħat ta’ smigħ, bid-deċiżjoni hi suġġett għal appell li jista’ jsir.

L-aħbar ħarġet fil-media lokali lejn tmiem Settembru fejn intqal li Utulu kien avviċina klabb tal-Kampjonat Premier biex iservi ta’ aġent għal xi plejers Niġerjani. Minn dakinhar li ħarġet l-aħbar, Utulu kien sospiż mill-MFA u mill-MFRA u ma kkontrollax aktar logħbiet f’kompetizzjonijiet lokali.

Jude Amin Utulu kien ilu f’pajjiżna għal diversi snin u stabilixxa ruħu f’pajjiżna bħala referee tal-futbol u referee tal-futsal. F’dan l-istaġun hu kien ukoll qed jikkontrolla logħbiet mill-Kampjonat Premier.

Hu kien ukoll wieħed mill-aqwa referees tal-beach soccer fejn saħansitra kien l-uniku referee tal-FIFA f’isem l-MFA u kkunsidrat fost l-aqwa ħamsa f’dan l-isport. L-aħħar logħbiet internazzjonali li kellu fil-beach soccer kien il-Euro Winners Cup li sar fil-Portugall bejn it-28 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju ta’ din is-sena.