Minkejja li fil-jiem li għaddew l-MFSA stqarret li se tkun qed tirrilaxxa d-depożiti tal-klijenti tas-Satabank fuq kundizzjoni li dawn jiftħu kontijiet f’banek oħra, l-istess klijenti qed isibuha diffiċli ferm biex jiftħu kontijiet oħra u qed jispiċċaw f’sitwazzjonijiet fejn hemm min ma jistax ħajja diċenti jew saħansitra jixtri x’jiekol.
Jiem wara li ġiet imwaqqfa f’Malta l-Assoċċjazzjoni għal Min Juża l-Banek u s-Servizzi Finianzjarji mill-avukat taljan, Francesco Trimboli, il-fundatur tal-assoċċjazzjoni wera t-tħassib tiegħu dwar kif qed jiġu ċċekkjati l-kontijiet fis-Satabank.
Hu qal li kontijiet ta’ impjegati li fihom jidħlu l-pagi għandhom jiġu rrilaxxati hekk kif jiġi aċċertat li tali kontijiet huma kontijiet normali. Hu kompla jgħid li dan jista’ jsir f inqas mill-24 ġurnata li stipulat l-MFSA bex isir dan l-eżerċizzju u li qed ipoġġi lill-ħafna impjegati u intrapriżi żgħar f’sitwazzjonijiet iebsa. Hu wera t-tama li l-MFSA tagħmel dak kollu meħtieġ biex tipproteġi l-interessi ta’ klijenti ġenwini ta’ dan il-bank,
Intant fil-media dehru stejjer ta’ klijenti ta’ dan il-bank li stqarrew li qed jgħaddu fuq ħobż u ġobon u li saħansitra mhux qed jieħdu l-mediċini li għandhom bżonn minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal flushom.
Fi stqarrija, l-Oppożizzjoni appellat biex l-MFSA tikkomunika b’mod aktar effettiv minħabba li s-saga tas-Satabank qed tħalli riperkussjonijet kbar.
Appellat ukoll għal due diligence serju, filwaqt illi saħqet li jeħtieġ li dan isir bi pjan strateġiku u holistiku sabiex il-klijenti li dejjem onoraw il-pre-rekwiżiti ta’ l-istess bank… ma jħallsux il-prezz qares ta’ ħaddieħor.
//= $special ?>