Futbol Sport

Senglea Gunners leaders ġodda tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA

Senglea Gunners huma l-leaders il-ġodda tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta f’logħba ferm bilanċjata huma għelbu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 2-1. Dawn it-tliet punti għenu lil Senglea sabiex jaqbżu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika. Hussein Malik u Jesmond Lia skorjaw il-gowls importanti għas-Sengleani filwaqt li Fola Anajube irrisponda għall-Versity.

Wara żewġ telfiet konsekuttivi, San Ġiljan Saints kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu bl-iskor kbir ta’ 4-0 lil Naxxar Victorians. It-tim Ġiljaniż iddomina mill-bidu sal-aħħar din il-partita u skorja erbgħa mingħajr risposta permezz ta’ doppjetti minn Quentin Albrecht u Matt Callaghan. Għal Naxxar din kienet it-tieni telfa konsekuttiva wara dik li sofrew fl-ewwel ġurnata kontra Valletta St Pauls.

Il-logħba bejn Marsa St Michael u Qormi Hotspurs kellha tiġi abbandunata minħabba li l-grawnd ta’ Santa Luċija ma kienx f’kundizzjoni li jkompli jintlagħab logħob fih.

Sadanittant mill-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni, Fleur de Lys u Marsaxlokk jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika wara rebħiet tajba fil-logħob li ntlagħab fil-grawnd taż-Żurrieq. L-ikbar rebħa tal-ġurnata kisbuha Żurrieq Sunrise li għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 6-1. Għalihom din kienet l-ewwel rebħa tagħhom fil-MAFA u biha huma telgħu fit-tieni post tal-klassifika.

Mqabba fetħu l-iskor permezz ta’ Jake Gower, iżda ż-Żrieraq qalbu r-riżultat ta’ taħt fuq fi spazju ta’ ftit minuti. Kien Yaya Touray li ġab l-iskor indaqs. Qabel tmiem l-ewwel taqsima reġgħu kienu ż-Żrieraq li skorjaw tnejn oħra minn Justin Cilia u Sulayman Camara li ltaqa’ mal-ballun wara kross fil-baxx sabiex xeħet il-ballun fix-xibka. Fit-tieni taqsima Mqabba ppruvaw iwettqu reazzjoni iżda reġgħu kienu Sunrise li skorjaw tlieta oħra permezz ta’ doppjetta ta’ Gilmour Carabott u gowl ieħor ta’ Clifton Piscopo.

Fleur de Lys CFK ukoll kellhom rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Balzan Youths AFC sabiex żammew ir-rekord perfett tagħhom wara żewġ logħbiet. Kienu Balzan li fetħu l-iskor wara tmien minuti permezz ta’ Pedro Jorge Lemos, iżda Fleur de Lys dawru l-iskor minn Bernard Darmanin u Robert Bajada, biex għalqu l-logħba bi tliet gowls oħra ta’ Clint Camilleri, Robert Bajada u Robert Formosa.

F’partita oħra ferm kumbattuta, Marsaxlokk AFC kisbu t-tieni rebħa tagħhom staġjonali meta għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 5-3.

L-Ewwel Diviżjoni

Riżultati tat-tielet ġurnata: Senglea G. v Tal-Qroqq V. 2-1 , San Ġiljan S. v Naxxar V. 4-0 , Marsa SM v Qormi H. abbandunata

Klassifika: Senglea Gunners 7 punti, Tal-Qroqq Versity 6 punti, Marsa St Michael, Valletta St Pauls 3 punti, San Ġiljan Saints 3 punti, Qormi Hotspurs 0 punti, Naxxar Victorians 0 punti

It-Tieni Diviżjoni

Riżultati tat-tielet ġurnata: Żurrieq S. v Mqabba A. 6-1 , Fleur de Lys v Balzan Y. 5-1 , Marsaxlokk AFC v Mosta V. 5-3

Klassifika: Fleur de Lys 6 punti, Marsaxlokk 6 punti, Żurrieq Sunrise 4 punti, Valletta Stars 3 punti, Mosta Vikings 3 punti, Balzan Youths punt, Mqabba Albions 0 punti