Lokali

Silvio Scerri jieħu f’idejh l-ARMS

Minn Transport Malta, issa sejjer imexxi l-ARMS. Hija din il-pożizzjoni l-ġdida li ingħata l-eks Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern, Silvio Scerri, hekk kif issa nħatar Kap Eżekuttiv tal-entita’ li tieħu ħsieb l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-gazzetta The Malta Independent tgħid illi Silvio Scerri żvela din il-ħatra hu stess permez ta’ post li poġġa’ fuq in-network LinkedIn. Jidher li l-Kap Eżekuttiv ta’ qablu irriżenja x-xahar li għadda. Hu dam bis ftit xhur fit-tmexxija, minn qabel is-Sajf.

Matul din is-sena, l-ARMS spiċċat f’kontroversja sħiħa minħabba t-taħwid fil-kontijiet tad-dawl – taħwid li minnu qed ibatu n-nies, minħabba l-mod kif qed jinħadmu t-tariffi. Bosta qed iqisu dan it-taħwid fil-kontijiet bħala “serq sfaċċat”.

Għand il-PN waslu ‘l fuq minn elf kont tad-dawl u l-ilma ta’ nies differenti li fihom żbalji ħoxnin; fosthom kont ta’ €3,700 u kont żbaljat ta’ €600.

Hemm ukoll każ ta’ konusmatur li mar il-Qorti biex juża’ l-għodod legali ħalli jiġi miġġieled dan is-serq.

Il-PN ilu żmien twil jgħid li l-Gvern għandu jagħti l-flus misruqa lura lill-konsumaturi, u li jekk dan ma jsirx Gvern Nazzjonalista jrodd lura dawn il-flus.