Futbol Sport

Telfa minima għat-tim Malti ta’ taħt id-19-il sena kontra Franza

It-tim Malti li beda kontra Franza (Ritratt: Martin Agius)

FRANZA…………….. 1   MALTA………………. 0

Malta: A. Sylla, A. Satariano, D. Debono, S. Dimech, A. Attard, M. Grima, P. Mbong (A. Spiteri 73’), Z. Grech, C. Gauci, A. Magri Overend (C. Bouvet 89’), C. Zammit Lonardelli (J. Sixsmith 84’)

Franza: I. Meslier, A. Zagre (R. Ait Nouri 88’), O. Solet, C. Gomes, A. Tchouameni (M. Theo Ndicka 79’), M. Caqueret, A. Flips, C. Abi (W. Isidor 67’), G. Biancone, W. Saliba, J. Ponceau

Imwissija: A. Attard 20’, Z. Grech 58’ (M)

Skorja: C. Abi 35’ (F)

Referee: D. Strutkan (Kroazja)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena beda l-impenji tiegħu fi Grupp 6 għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew b’telfa minima ta’ 1-0 kontra Franza. Minkejja d-differenza evidenti bejn it-timijiet, iż-żgħażagħ Maltin taħt it-tmexxija ta’ Winston Muscat kellhom wirja dixxiplinata, mertu kbir ukoll tal-gowlkiper Amara Sylla li salva diversi tentattivi tal-Franċiżi u żamm l-iskor baxx.

Il-Franċiżi urew l-intenzjonijiet mill-bidu u kellhom diversi okkażjonijiet kmieni fil-logħba permezz ta’ Claudio Gomes, Maxence Caqueret u Alexis Flips, li fallew minn pożizzjonijiet tajba. Huma skorjaw il-gowl li spiċċa biex iddeċieda l-logħba fil-35 minuta, b’Giulian Biancone javvanza mil-lemin u krossja lejn Charles Abi li għeleb lil Sylla b’xutt djagonali.

Franza kellha żewġ okkażjonijiet tajba fl-aħħar għaxar minuti, b’xutt ta’ Julien Ponceau li ġie mblukkat mid-difiża Maltija, biex tliet minuti mit-tmiem xutt ta’ Oumar Solet stampa mal-lasta.

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, il-Litwanja kienet megħluba mill-Belġju 5-0. It-tournament ikompli s-Sibt b’Franza tilgħab kontra l-Litwanja fil-11.00am u t-tim Malti jilgħab kontra l-qawwa tal-Belġju fis-2.15pm, bil-logħbiet kollha qed jintlagħbu fis-Centenary Stadium.