Ambjent Lokali

Tkompli tikber il-problema tal-iskart

Il-problema tal-iskart f’pajjiżna tidher li issa laħqet skala verament inkwetanti. Dan wara li kuntratturi tal-bulky refuse ġew infurmati permezz ta’ telefonata mill-Wasteserv biex ma jieħdux aktar skart goff fis-Civic Amenity Sites iżda jeħduh dritt il-Magħtab, filwaqt li l-iskart ta’ tal-elettriku bħal apparat domestiku, għandhom jittieħdu dritt għand il-kumpaniji li jiġbru dan l-iskart.

Madankollu dawn l-istess kumpaniji avżaw lil dawn il-kuntratturi biex ma jieħdux skart għandhom peress li m’għandhomx iktar spazju.

Izda t-tahwid kompla meta l-Erbgha filghodu il-Wasteserv biddlu l-pożizzjoni tagħhom u avżaw lill-kuntratturi tal-ġarr tal-iskart li setgħu jieħdu l-iskart tagħhom fic-Centri tal-Iskart Goff, sakemm l-istess kuntratturi irrealizzaw illi malli waslu fis-Civic Amenity site ta’ Ta’ Qali ġew mitluba jitfgħu l-iskart tagħhom fuq pallets minflok ġewwa is-sit, kif isir is-soltu.

Intant, is-sit fil-Magħtab tul il-jum ingħalaq.

Dan kollu qed jiġri minħabba l-ammont enormi ta’ skart li akkumula f’siti bħal dak ta’ Ta’ Qali. Kuntrattur tal-ġbir tal-iskart goff qal lil Net News li biss biss, kull ġimgħa jintremew mal-200 friġġ. L-istess kuntrattur qalilna li fis-Civic Amenity site, fejn il-kartun u materjali oħra suppost jintremew għalihom, issa qed jitħallat kollox f’daqqa u jintrema kollox fil-landfill.

Il-kuntrattutur qal li s-sit f’Ta Qali hu mfawwar u mhemmx fejn tarmi iktar u żied jgħid li biex tkompli tikkomplika s-sitwazzjoni, ħafna makkinarju tal-Wasteserv mhux jaħdem minħabba ħsarat.

Din il-problema ilha tippersisti s-snin tant li kienu nkrew imħażen f’San Ġwann u Ħal Far, iżda dawn ukoll ma jifilhux għal iktar skart.

Din hi problema li mhux se tisparixxi u li jidher li hija riżultat ta’ iktar nuqqas ta’ ppjanar fl-immaniġġjar tal-iskart minn naħa tal-gvern, u li qed twassal biex il-poplu Malti jiġi ttimbrat minn rapport tal-Kummissjoni Ewroġpea bħala ‘The Dirty Man of Europe”