Hemm bżonn li s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna tindirizza n-nuqqasijiet li jeżistu fid-dinja tax-xogħol, fejn għandna persuni li ma jikkwalifikawx għax-xogħol li għandna bżonn, u oħrajn li l-ħiliet tagħhom m’għadomx bżonnjużi.
Iddikjarat dan Dolores Sammut Bonnici, President tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, li tkellmet fit-tul dwar il-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Hi nnutat kif dan qed iġib miegħu problemi bħalma huma t-traffiku, problemi ta’ parkeġġ u ffullar, bil-konsegwenza ta’ żieda fl-istress fil-ħajja ta’ kuljum.
Fost oħrajn, is-seminar,bit-tema “Nassistu lin-negozju żgħar jilqgħu l-isfidi tal-lum” kien indirizzat ukoll mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Kristy Debono li appellat lill-Gvern biex jassisti lin-negozji ta’ daqs żgħir u medju, jew kif inhuma magħrufa bħala SMEs.
Dan hekk kif dawn in-negozji, li jlaħħqu l-40,000 u jimpjegaw mal-220,000 persuna f’pajjiżna, għadhom jaffaċċjaw burokrazija fis-servizzi offruti mill-Gvern waqt li s-settur pubbliku dejjem akbar, b’żieda fl-impjiegi mal-Gvern, kompla jnaqqas it-talent disponibbli għall-privat.
Kristy Debono appellat ukoll għal pjan tal-Gvern biex jassisti lill-SMEs biex japplikaw u jakkwistaw fondi tal-Unjoni Ewropea … xi ħaġa li tinvolvi proċess ikkumplikat u jirrikjedi ħafna ħin iżda m’għandomx riżorsi biżżejjed għalih.
Tkellmet ukoll dwar kif anke n-negozji żgħar u medji qed isofru mid-daqqa ta’ ħarta li ħa pajjiżna fir-reputazzjoni tiegħu. Hawn appellat lill-Gvern biex jirrestawra mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħna, waqt li wegħdet li l-Oppożizzjoni se tkun qrib l-SMEs biex tisma’ l-isfidi u tagħti każ tal-bżonnijiet tagħhom.
//= $special ?>