Iffaċċjat mill-mistoqsijiet dwar jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhomx jirriżenjaw, wara l-aħħar dettalji żvelati dwar il-kumpanija 17 Black, il-Ministru Chris Cardona nfexx f’attakk fuq il-ġurnalisti tal-midja indipendenti.
Dan wara li issa sar magħruf li l-kumpaniji offshore tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kienu klijenti potenzjali ta’17 Black … b’allegazzjonijiet serji illi kellhom jidħlu kickbacks mill-proġett tal-power station. Dan skont emails li ġew żvelati ftit tax-xhur ilu.
Ironikament, l-attakk tal-Ministru Cardona fuq il-ġurnalisti sar ftit tal-ħin biss wara li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-istess Ministru Cardona nstemgħet tgħid lill-ġurnalist biex ikun ġentili.
Quddiem il-mistoqsijiet tat-Times, Cardona għamel bħal sħabu fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat, li nħbew wara l-inkjesta waqt li sabuha diffiċli jiddefendu lil Mizzi u Schembri.
Intant, fl-aħħar jiem kien imċanfar l-aġir tal-Ministru tat-Turiżmu wara li sar magħruf li Konrad Mizzi qed jagħżel lil liema midja jistieden għall-attivitajiet tiegħu, biex jevita d-domandi dwar 17 Black.
U minkejja li ġie mċanfar anke mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, il-Ministru Mizzi kompla jippersisti b’din l-attitudni anke għaliex huwa car li hu appoġġjat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan kien konfermat f’risposti għall-mistoqsijiet tat-Times lil Kastilja, b’kelliem tal-Gvern jiddikjara li l-Ministeri għandhom id-dritt li jiddeċiedu liema attivitajiet jixirqilhom rappurtaġġ sħiħ tal-midja u liema mhux meqjusa daqstant importanti.
//= $special ?>