Il-klabb tal-Premier League Ingliż, Chelsea, allegatament, qed jiffaċċja projbizzjoni effettiva għal sentejn minn kull attività fis-suq tat-trasferimenti. Dan wara investigazzjoni tal-FIFA dwar l-ingaġġ ta’ plejers barranin ta’ taħt it-18-il sena mill-klabb ta’ Londra u li fost oħrajn, kienu jinkludu lill-eks-attakkant Bertrand Traore.
Il-wesbsajt Franċiż Mediapart, li qed jibbaża fuq dokumenti minn Football Leaks, jinsisti li mas-19-il plejer iffirmati minn Chelsea kienu suġġetti għal investigazzjoni li damet tliet snin.
Il-Mediapart tallega li 14 minn dawn il-plejers kienu taħt it-18-il sena, waqt li l-klabb ta’ Chelsea ħareġ stqarrija fejn qal li ‘dejjem ikkoopera bis-sħiħ mal-FIFA’. Il-kelliema għall-klabb Ingliż qalu wkoll li Chelsea ‘ipprovdew il-provi kollha komprensivi li juru l-livell ta’ kooperazzjoni (tal-klabb) mar-regoli applikabbli tal-FIFA’.
Skont il-Mediapart, l-integrity u compliance unit tal-FIFA, issa rakkmanda biex Chelsea jkunu projbiti milli jagħmlu trasferimenti għal erba’ hekk-imsejħa ‘transfer windows’, u li l-klabb ikun immultat 45,000 Sterlina.
L-ewwel rapporti li Chelsea kienu qed ikunu investigati dwar l-ingaġġ tal-plejers żgħażagħ ħarġu f’Settembru tal-2017.
Fil-każ ta’ Bertrand Traore, dan il-plejer internazzjonali minn Burkina Faso — li llum jilgħab ma’ Lyon fi Franza – kien iffirma l-ewwel kuntratt bħala professjonali ma’ Chelsea fl-2013 fl-età ta’ 18-il sena, iżda hu ma kienx irreġistrat qabel Jannar tal-2014.
Il-Mediapart qed tgħid li l-FIFA sabet il-provi li Chelsea ‘kienet qarrqet dwar id-dati’, bi Traore jilgħab 25 darba għall-Blues ( mal-ewwel ħdax, kif ukoll fil-kategoriji ta’ taħt it-18 u s-16-il sena) minkejja li ma kienx irreġistrat mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol.
Chelsea ammettew ukoll li ħallsu 155,000 Sterlina lil omm Traore, flimkien ma’ 13,000 oħra lill-klabb – AJE Bobo-Dioulasso – li hi kienet qed tmexxi, f’April tal-2011. Dan bil-għan li l-klabb ta’ Londra jkollu l-ewwel dritt għall-firma tal-plejer.
Qed ikun allegat li dan il-ftehim kien għal erba’ snin u nofs, minkejja li l-limitu għall-plejers taħt it-18-il sena hu għal tliet snin biss.Minbarra dan, qed ikun allegat ukoll li Chelsea ħallsu għal Traore biex jattendi l-Iskola ta’ Whitgift, f’Surrey, fejn kull sena skolastika tiswa kull student mal-20,000 Sterlina.
F’każ ta’ konferma ta’ projbizzjoni mis-suq tat-trasferimenti, Chelsea jsiru l-aħħar klabb li jkun weħel piena fuq dan il-livell wara inċidenzi simili fil-La Liga ta’ Spanja.
Il-klabbs ta’ Real Madrid u Atletico Madrid kienu weħlu projbizzjonijiet ta’ dan it-tip wara li kisru r-regoli dwar l-iffirmar ta’ plejers minorenni fl-ewwel parti tal-2016. Intant, il-klabb ta’ Barċelona kien ipprojbit mis-suq tat-trasferimenti għal 14-il xahar wara li kiser ir-regoli dwar l-ingaġġ ta’ plejers internazzjonali ta’ taħt it-18-il sena, fl-2014.
//= $special ?>