Futbol Sport

FUTBOL: TAZZA TAL-ASJA 2019 — Se tintuża l-VAR mill-kwarti-finali ‘il quddiem

Is-sistema tal-Video Assistant Referee (VAR) għandha tintuża mill-fażi tal-kwarti-finali sal-finali tat-Tazza tal-Asja tas-sena d-dieħla li se ssir fl-Emirati Għarab Magħquda, bejn il-5 ta’ Jannar u l-Ewwel ta’ Frar.

Dan ikkonfermatu l-Konfederazzjoni tal-Futbol tal-Asja, bħala l-istituzzjoni għall-amministrazzjoni tal-futbol f’dan ir-reġjun u li inizjalment kienet ħabbret il-pjani biex tintroduċi s-sistema f’Settembru li għadda.

B’hekk, il-VAR se tkun implimentata waqt seba’ logħbiet tal-2019 Asian Cup.

Intant, din il-kompetizzjoni ġiet estiża bil-ħsieb li, għall-ewwel darba, jipparteċipaw 24 tim – tmienja aktar mis-16-il tim li ħadu sehem fl-aħħar erba’ edizzjonijiet.

Il-kampjonati tal-futbol ewlenin fi Spanja, l-Italja u l-Ġermanja diġà qed jużaw is-sistema tal-VAR li tippermetti biex inċidenti kruċjali waqt il-logħba jkunu riveduti bil-video replays.

It-teknoloġija partikulari kienet intużat waqt il-logħob tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, matul is-sajf li għadda.