Lokali

Il-kura tas-saħħa mentali għandha tibda mill-komunità

Persuna minn kull erbgħa madwar id-dinja ssofri minn problemi ta’ saħħa mentali xi darba jew oħra f’ħajjitha. Filwaqt li persuna minn kull sitta bħalissa qed issofri minn mard mentali.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Malta għandha bżonn bejn 45 u 60 psikjatra li jaħdmu mal-adulti, kif ukoll 9 psikjatri li jaħdmu mat-tfal u l-adoloxxenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatri sostniet li f’pajjiżna bħalissa m’hawnx psikjatri fil-qasam tat-tfal u l-adoloxxenti li jaħdmu full-time. Min-naħa l-oħra hemm biss ħmistax-il psikjatra u għaxar speċjalisti residenti f’dan il-qasam.

Dan l-ammont mhux biżżejjed għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna apparti li hemm ukoll nuqqas ta’ psikjatri fil-komunità.

Nigel Camilleri, President tal-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri sostna li l-kura f’dan il-qasam għandha tibda mill-komunità. Il-pazjent iħossu iktar komdu u huwa iktar ta’ bżonn għall-saħħtu li meta jimrad jibqa’ viċin tal-familja tiegħu. Hemm bżonn li l-pazjent jibqa’ għaddej bir-rutina tiegħu u mhux jintbagħat għall-kura fi sptar.

Uħud mill-proposti li qed jissuġġerixxu bħala Assoċjazzjoni huma li jkun hemm iktar fondi min-naħa tal-Gvern sabiex tissaħħaħ il-kura fil-komunità.

Dan apparti li l-isptar Monte Karmeli sar antik u għalhekk hemm bżonn ta’ sptar ġdid b’numru akbar ta’ psikjatri bil-pazjenti li jkollhom iktar żjarat frekwenti mill-ispeċjalisti introduzzjoni ta’ iktar inċentivi għall-istudenti biex dawn jiġu mħajra jidħlu għal din il-professjoni.

Nigel Camilleri sostna li l-kura tas-saħħa mentali ilha minsija u hemm bżonn li din tibda tiġi trattata u tingħata importanza daqs mard ieħor bħall-pereżempju d-dijabete.

Fakkar li bl-ammont ta’ nies li jagħmlu suwiċidju qed dejjem jikber, għajnuna minn età żgħira taf tkun biżżejjed biex insalvaw ħajja.