Proġett ta’ 40,000 ewro fil-Knisja Arċipretali ta’ San Pawl fir-Rabat biex jitkabbar u jkun immodernizzat il-presbiterju f’din il-Knisja, li għandha mijiet ta’ snin ta’ storja.
Fil-bidu ta’ Novembru, inbeda l-ewwel parti tal-proġett liturġiku fuq l-Artal, fejn inqala’ l-kanċell li jdawwar il-presbiterju ħalli jitressaq aktar ‘il barra. B’hekk, setgħet tissaħħaħ l-istruttura tal-kanċell u l-irħam li jżejnu.
It-tkabbir għamilha possibbli biex ftit tal-ġimgħat oħra din il-Knisja tgawdi minn Artal Mejda, Sedja, Ambone u Gradenzini ġodda li jkun tal-irħam pariġġ il-kumplament tal-presbiterju.
Fil-proġett ukoll, il-Fonti tal-Magħmudija se jittella’ permanentaent qrib il-presbiterju biex ikun jista’ jerġa’ jintuża’ mill-ġdid fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija.
NET News tkellem mal-Arċipriet, il-Kanonku Dun Louis Suban, li spjega x’wassal għal dan il-proġett. Hu qal ukoll li f’dawn il-ġimgħat mhux isir Quddies matul il-ġimgħa ħalli x-xogħol jibqa’ għaddej.
Minflok, qed isir biss Quddies fi tmiem il-ġimgħa fuq l-Artal Mejda li sa ftit ilu kienet fuq il-presbiterju.
L-Arċipriet spjega li biex dan il-proġett seta’ jsir, inġiebu ħaddiema Taljani minn Carrara wara li għadd ta’ ħaddiema Maltin qalgħu l-partijiet imeħtieġa u għenu fil-ħolqien tal-biċċa miżjuda.
Dun Louis Suban spjega li din l-ewwel parti tal-proġett qed tkun finanzjata mill-Kapitlu tal-Kolleġġjata. Iżda għat-tieni fażi, it-tqegħid tal-Artal il-ġdid, se tkun qed tintalab l-għajnuna ta’ dawk kollha li għandhom din il-Knisja għażiża għal qalbhom.








