It-tennista Numru 1 tad-Dinja, Novak Djokovic, hu l-ewwel li kkwalifika għas-semi-finali tat-tournament tal-ATP wara r-rebħa impressjonanti ta’ nofs il-ġimgħa fuq Alexander Zverev u wara r-riżultat favorit għalih fil-logħba l-oħra tal-istess grupp.
Djokovic, li qed jipprova jirbaħ l-ewwel titlu tal-ATP Finals mill-2015, ikkonferma postu mal-aħħar erba’ wara li Marin Cilic għeleb lil John Isner, b’dan ir-riżultat jissiġġilla l-kwalifikazzjoni tas-Serb wara li għeleb lil Zverev 6-4.6-1.
Intant, Djokovic, għada, jilgħab l-aħħar logħba tiegħu (fuq is-sistema ta’ round robin) kontra l-Kroat, Cilic, waqt li Zverev jikkonfronta lil Isner fil-logħba l-oħra.
Novak Djokovic, issa, hu l-favorit li jirbaħ is-sitt titlu tiegħu permezz ta’ dan it-tournament li hu l-aħħar wieħed tal-istaġun.
Dan wara li s-Serb impressjona bil-kbir mindu rkupra minn injury f’dirgħajh biex jirbaħ it-tournaments ta’ Wimbledon u l-US Open. Hu, b’hekk, irritorna għall-ogħla post tar-rankings dinjija għall-ewwel darba f’sentejn.
Skont is-sistema tal-ATP Finals, l-aqwa żewġ plejers miż-żewġ gruppi ( ta’ erba’ plejers kull wieħed) jikkwalifikaw għas-semi-finali tas-Sibt, u fejn ir-rebbieħa, imbagħad, jikkonfrontaw lil xulxin fil-finali tal-Ħadd li tintlagħab fl-O2 Arena ta’ Londra.
//= $special ?>