Edukazzjoni Lokali

Appell lill-gradwati biex jaħarbu l-korruzzjoni

Jibdew jiem sħaħ ta' ċelebrazzjonijiet

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi talab lill-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta biex ma jdaħħlux flus minn prattiċi korrotti. Hu stqarr dan fl-omelija tal-quddiesa għall-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Din il-quddiesa fil-Kon Katidral tat bidu ghal xahar sħiħ ta’ ċelebrazzjonijiet li fihom mijjiet ta’ studenti jkunu qed jigradwaw fi tmiem il-kors tagħhom fl-Universita’ ta’ Malta.

Mons. Galea Curmi qal li Malta tiggwadanja bil-kbir jekk ikun hemm nies ta’ integrità li jagħżlu s-sewwa anke meta mhux faċli. Talab lill-gradwati biex jużaw it-talenti b’onestà u mhux biex jagħmlu qligħ minn fuq dahar ħaddieħor jew jagħmlu flus minn prattiċi korrotti.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof Awżiljarju qal li jum il-gradwazzjoni għandu jkun jum li fih il-gradwati ġodda jħarsu ‘l quddiem b’fiduċja, biex ikunu nies ta’ integrità.

Stqarr li dan il-jum m’għandux ikun biss jum ta’ ferħ u ċelebrazzjoni, iżda jum li fih naprezzaw il-valuri veri li jagħtu sens lill-ħajja.

L-Isqof Awżiljarju qal li fil-professjoni tagħhom, il-gradwati se jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ diversi nies, u għalhekk talabhom biex juru rispett lil kull persuna, ikun xi jkun il-kulur tal-ġilda u l-ideali tagħhom.

15/11/2018 18:50:17 Valletta